Is-Swieqi jibqa’ l-akbar fortizza għall-PN però xejn ċert f’San Ġwann u l-Imsida (5)

L-ILLUM tkompli tħares lejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali matul is-snin. X'ġara u x'jista' jiġri?

Fil-ħames parti ta’ din is-serje ta’ artikli, il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn l-aktar lokalitajiet b’maġġoranzi kbar Nazzjonalisti, primarjament is-Swieqi u Tas-Sliema u r-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet lokali, kif ukoll il-previżjonijiet politiċi għal Mejju

Ħal Għargħur: lokalità Nazzjonalista u l-affarijiet ftit li xejn iċċaqilqu

Ħal Għargħur hija lokalità fejn il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu l-appoġġ tal-maġġoranza u anke jekk iż-żewġ partiti dejjem żiedu fil-voti tagħhom, id-distakk bejniethom baqa’ kważi kważi dejjem fl-istess ilmijiet.

Fl-elezzjoni lokali tal-2007, sena biss qabel l-elezzjoni li rebaħ il-Partit Nazzjonalista, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista ġabu bejniethom 622 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 445 vot.

Id-distakk (ta’ 177 vot) anke jekk jidher li huwa wieħed żgħir, meta wieħed iqis iċ-ċokon ta’ dan ir-raħal, xorta waħda jibqa’ wieħed sostanzjali tant li jekk wieħed iħares lejn il-persentaġġi jinduna li f’din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista kiseb 58% tal-voti.

L-elezzjoni lokali, li kien imiss ukoll, saret waħedha u ż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom biex il-Partit Nazzjonalista kiseb 715-il vot, filwaqt li l-Partit Laburista ġab 557 vot. Id-distakk, f’din l-elezzjoni, naqas bi ftit għal 158 vot, għalkemm xorta waħda jfisser differenza ta’ 13% bejn il-partiti.

L-aħħar elezzjoni lokali saret mar-referendum tal-kaċċa u kif wieħed jistenna minn raħal imdawwar bil-kampanja, ħafna nies ħarġu jivvutaw. Iż-żewġ partiti reġgħu żiedu l-voti, bil-Partit Nazzjonalista jikseb 972 vot filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 721 vot, bid-distakk jerġa’ jitla’ għal 251 vot.

Kieku wieħed kellu jqabbel dan ir-riżultat mal-elezzjoni lokali tal-2004, meta l-Partit Nazzjonalista kien fl-aqwa tiegħu, jirriżulta li d-distakk baqa’ kważi kważi l-istess.

L-elezzjoni tibqa’ kaxxa magħluqa, iżda jekk din is-sena joħorġu jivvutaw l-istess ammont ta’ residenti li vvutaw fl-2015, ir-riżultat ma jidhirx li se jkun wisq differenti.

L-Imsida: eċċezzjoni… il-PN javvanza u jispiċċa ras imb ras mal-PL

L-Imsida hija lokalità li fiha seħħ il-kuntrarju ta’ dak li ġara f’lokalitajiet oħra. Filwaqt li ż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, il-Partit Nazzjonalista żied b’ritmu aktar mgħaġġel mill-Partit Laburista biex fl-aħħar elezzjoni lokali, id-distakk kien dak ta’ 27 vot biss.

Fl-elezzjoni lokali tal-2006, il-kandidati Laburisti għall-kunsill lokali ta’ din il-lokalità, kisbu bejniethom 1,802 voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 1,579 vot, biex id-distakk bejn il-partiti kien dak ta’ 223 vot.

L-elezzjoni lokali ta’ wara saret ma’ dik tal-Parlament Ewropew fl-2009. Iż-żewġ partiti reġgħu żiedu l-voti tagħhom. Il-Partit Laburista kiseb 2,244 vot (442 vot aktar mill-2006) filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 2,140 vot (561 vot aktar mill-2006). Dan wassal biex id-distakk jinżel għal 104 voti.

L-aħħar elezzjoni lokali fl-Imsida saret mal-elezzjoni ġenerali tal-2013 u għalhekk aktar nies ħarġu jivvutaw li fisser aktar voti għaż-żewġ partiti. F’din l-elezzjoni, il-Partit Laburista żamm il-kunsill f’idejh b’27 vot biss. Fil-fatt, il-kandidati Laburisti kisbu 2,604 voti (50.25%) filwaqt li dawk Nazzjonalisti kisbu 2,577 vot (49.74%).

Jekk il-bixra tal-aħħar snin tkompli, ifisser li l-Partit Nazzjonalista faċilment jista’ jirbaħ din il-lokalità. Imma hekk se jiġri? Kollox jiddependi minn kemm se joħorġu jivvutaw nies, partikolarment in-Nazzjonalisti.

Li hu żgur huwa li ġaladarba din is-sena l-elezzjoni lokali mhux se ssir ma’ elezzjoni ġenerali, it-tendenza hi li inqas nies joħorġu biex jivvutaw.

San Ġwann: it-tiġrija sal-barkun

Bħalma rajna l-ġimgħa li għaddiet fil-każ tal-Imtarfa, il-kunsill lokali f’din il-lokalità, fl-aħħar snin, għadda min id għall-oħra u ż-żewġ partiti dejjem issieltu biex rebħuh.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali f’dan ir-raħal saru fl-2006, fl-2009 u fl-2013, jiġifieri l-elezzjoni għall-kunsill saret kemm waħedha, kemm ma’ elezzjoni tal-Parlament Ewropew u anke ma’ elezzjoni ġenerali.

L-elezzjoni tal-2006 ntrebħet mill-Partit Laburista li kiseb 2,676 vot filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 2,539 vot. Din kienet l-uniku sena li fiha kkontesta kandidat indipendenti u li kiseb 134 vot.

Id-distakk ta’ 137 vot favur il-Partit Laburista ngħeleb fl-elezzjoni lokali tal-2009, li saret ma’ dik tal-Parlament Ewropew. Iż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, iżda l-Partit Nazzjonalista rebaħ dan il-kunsill lokali b’distakk ta’ 485 vot. B’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 3,718-il vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 3,233 vot.

L-aħħar elezzjoni lokali saret mal-elezzjoni ġenerali tal-2013. Aktar nies ħarġu jivvutaw, iż-żewġ partiti żiedu l-voti tagħhom u l-Partit Laburista reġa’ għeleb id-distakk ta’ 485 vot li kien kiseb il-Partit Nazzjonalista biex għal darb’oħra rebaħ il-maġġoranza f’din il-lokalità.

Fl-2013, il-Partit Laburista kiseb 4,261 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 4,113-il vot. Dan ifisser li fl-aħħar elezzjoni lokali, id-distakk bejn il-partiti kien ta’ 148 vot.

X’se jiġri din is-sena ħadd ma jaf. Id-distakk f’din il-lokalità mhuwiex wieħed kbir. Bħal fil-każ tal-Imsida, kollox jiddependi fuq kemm se joħorġu jivvutaw nies.

Is-Swieqi: l-akbar fortizza Nazzjonalista u qed tissaħħaħ

Is-Swieqi bla dubju ta’ xejn hija l-aktar lokalità Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista dejjem rebaħ il-kunsill Lokali b’distakk qawwi fuq il-Partit Laburista.

Fl-elezzjoni lokali tal-2007, sena biss qabel elezzjoni ġenerali li l-Partit Nazzjonalista rebaħ bi żbrixx, il-Partit Nazzjonalista kiseb 2,302 voti filwaqt li l-Partit Laburista ġab 557 vot.

Dik is-sena, Rene Rossignaud ikkontesta f’isem l-Alternattiva Demokratika u kien ġie elett wara li kiseb 309 voti.

L-elezzjoni lokali ta’ wara, fl-2012, sena qabel l-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista. Id-distakk ta’ 1,745 vot li l-Partit Nazzjonalista kiseb fl-2007 naqas bi ftit għal 1,473.

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista naqqas ftit voti biex kiseb 2,297, filwaqt li l-Partit Laburista kien żied ftit voti biex kiseb 824 vot. Kandidata f’isem l-Alternattiva Demokratika kienet kisbet 165 vot.

L-aħħar elezzjoni lokali f’din il-lokalità saret fl-2015 mar-referendum tal-kaċċa. Jew għax il-popolazzjoni ta’ din il-lokalità dejjem qed tiżdied jew inkella għax aktar nies ħarġu jivvutaw, iż-żewġ partiti reġgħu żiedu fil-voti tagħhom, bil-Partit Nazzjonalista jikseb 81% tal-voti u jżomm il-kunsill f’idejh b’distakk ta’ 2,955 vot.

F’din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista kiseb 3,867 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 912-il vot.

Wieħed jistenna li din is-sena, aktar nies se joħorġu jivvutaw hekk kif l-elezzjoni lokali se ssir ma’ dik tal-Parlament Ewropew. Madanakollu mill-2015 ’l hawn seħħew diversi bidliet ukoll, fosthom kap ġdid għall-Partit Nazzjonalista u dawn kollha jistgħu jinfluwenzaw il-voti.

Għalhekk kollox jiddependi kif se jivvutaw in-nies, għalkemm id-distakk huwa wieħed kbir ħafna biex jingħeleb kif ġieb u laħaq mill-Partit Laburista.

Ta’ Xbiex: lokalità żgħira Laburista

Għal kuntrarju tas-Swieqi, Ta’ Xbiex hija lokalità żgħira u pjuttost Laburista.

L-aħħar elezzjonijiet lokali f’din il-lokalità seħħew fl-2005, sena wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, fl-2008, mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista u fl-2013, mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista.

Fl-elezzjoni lokali tal-2005, il-Partit Laburista rebaħ 640 vot kontra t-363 vot li rebaħ il-Partit Nazzjonalista. Dan kien ifisser distakk ta’ 277 vot.

Bħal fil-każ tal-Għargħur, dan id-distakk jista’ jidher żgħir, iżda meta wieħed iħares lejn il-persentaġġi jfisser li l-Partit Laburista kiseb 63% tal-voti.

L-elezzjoni lokali li jmiss saret fl-2008. Jista’ jkun li għax aktar nies ħarġu jivvutaw, minħabba l-elezzjoni ġenerali, iż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom tant li d-distakk niżel għal 210 voti. Dik is-sena, il-Partit Laburista kiseb 731 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 521 vot.

Madanakollu, id-distakk reġa’ żdied fl-2013 meta l-elezzjoni lokali saret mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista. Dik is-sena, il-Partit Laburista naqqas ftit voti biex kiseb 704 voti u l-istess għamel il-Partit Nazzjonalista li kiseb 563 vot.

Dan kien ifisser distakk ta’ 241 vot, jew inkella differenza ta’ 21% bejn il-partiti.

Wara li l-aħħar elezzjonijiet lokali f’Ta’ Xbiex saru ma’ elezzjoni ġenerali x’aktarx li din is-sena se jivvutaw inqas nies u għalhekk iż-żewġ partiti jnaqqsu fil-voti tagħhom.

Id-distakk jibqa’ wieħed żgħir, għalkemm sostanzjali f’lokalità żgħira bħal Ta’ Xbiex. Kollox jindika li l-Partit Laburista se jżomm dan il-kunsill f’idejh, iżda wara kollox, kif dejjem ngħidu, l-elezzjoni hija kaxxa magħluqa.

Fortizza Nazzjonalista fejn il-vot Nazzjonalist s’issa varja b’-/+ 2,000 vot

Tas-Sliema hija waħda mill-akbar lokalitajiet u hija waħda mil-lokalitajiet b’maġġoranzi kbar għall-Partit Nazzjonalista. Hija l-post minn fejn  ħarġu diversi politiċi tal-PN u fejn isir meeting elettorali, f’kull kampanja elettorali, fi Triq Dingli. Hija wkoll il-lokalità tat-twelid tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.

Id-differenza bejn il-PN u l-PL f’Tas-Sliema hija kważi ta’ raħal sħiħ, tant hu hekk li fl-2013 u allura l-aħħar elezzjoni lokali li saret hawnhekk kien hemm distakk ta’ 3,668 vot favur il-Partit Nazzjonalista. Il-PN kien kiseb ftit iktar minn 6,000 vot Slimiż, filwaqt li l-PL kiseb ftit aktar minn 2,400 vot, li għalkemm huwa l-aqwa riżultat fl-aħħar snin, xorta huwa inqas minn nofs il-voti tal-PN.

Fl-2009, meta bħal Mejju li ġej li saret elezzjoni tal-Parlament Ewropew, id-distakk baqa’ kbir, anke jekk fil-fatt kien inqas mill-2013. Dakinhar il-PN kiseb 5,445 vot filwaqt li l-PL kiseb ftit aktar minn 2,000 vot.

Fl-2006 u allura  meta l-elezzjoni lokali saret waħedha kemm il-PN u anke l-PL kellhom l-inqas numru ta’ voti fl-aħħar snin bil-PN jikseb ftit iktar minn 4,000 vot u l-PL jikseb 1,842 vot.

Minkejja li Tas-Sliema hija lokalità b’maġġoranza b’saħħitha Nazzjonalista, bil-voti blu jkunu dejjem iktar mid-doppju, il-vot Nazzjonalist varja b’aktar minn 2,000 vot bejn l-2006 u l-2013. Il-vot tal-PN varja b’madwar 600 u allura baqa’ iktar stabbli.

Kollox se jiddependi fuq kemm se joħorġu Slimiżi jivvutaw, però kollox jindika li din il-lokalità se tibqa’ b’maġġoranza Nazzjonalista. Tajjeb wieħed jinnota illi fl-2013, kienu 57% tal-Islimiżi li marru jivvutaw li huwa persentaġġ baxx, meta mqabbel mar-rata nazzjonali.

Tajjeb wieħed jieħu nota wkoll tal-fatt illi l-Alternattiva Demokratika dejjem kisbet riżultat rispettabbli u saħansitra kellha Kunsillier, li ma baqax minħabba illi mar mal-Partit Nazzjonalista (Michael Briguglio). L-AD kisbet 727 vot fl-2013 li fil-fatt huwa ammont tajjeb ħafna kkumparat mal-voti tal-AD f’lokalitajiet oħrajn.

Interessanti naraw fejn se jmorru dawn il-voti. Jekk hux se jibqgħu mal-AD jew inkella hux se jżomm ħafna minnhom Briguglio, bħala voti personali jew inkella  jmorrux mal-PL.

Maġġoranza li tikber u tiċkien sew imma l-PN mistenni jżomm San Ġiljan

San Ġiljan, il-lokalità li tmiss ma’ Tas-Sliema hija wkoll lokalità li dejjem kellha maġġoranza Nazzjonalista, għalkemm il-maġġoranzi varjaw bil-Partit Nazzjonalista jmur ħażin ħafna fl-2012 u għal naqra ma jitlifx din il-maġġoranza importanti għalih.

Fl-2008, meta l-elezzjoni lokali saret ma’ waħda ġenerali, il-PN kiseb l-aqwa riżultat f’San Ġiljan b’3,168 vot, jew distakk ta’ 1,463 iktar mill-Partit Laburista (1,705). Fl-2012 iżda, din il-maġġoranza ttieklet waħda sew, hekk kif f’San Ġiljan ukoll ħafna Nazzjonalisti probabbilment ma marrux jivvutaw għax dik is-sena ma kienx hemm elezzjoni nazzjonali. Il-PN, fil-fatt kien kiseb 1,623 vot (51%) biss u allura tnaqqis qawwi ta’ 1,545 vot. Il-PL min-naħa l-oħra naqqas ftit voti biss u kiseb 1,386 vot biex id-distakk kien biss ta’ 237, bla dubju l-agħar riżultat tal-PN hawnhekk.

Fl-2015, mar-referendum tal-kaċċa, is-sitwazzjoni reġgħet ‘innormalizzat’ hekk kif il-PN żied kważi b’1,000 vot mill-2012 u kiseb 2,600 vot (60.5%) filwaqt li l-PL baqa’ prattikament fejn kien b’1,463 vot, b’distakk qrib l-1,200 vot.

Dan juri allura kif f’San Ġiljan ukoll, bħal ċerti lokalitajiet oħrajn, huwa l-vot Nazzjonalista li jinsab f’maġġoranza. Minkejja dan id-distakk jiżdied jew jonqos skont l-elezzjoni.

Minħabba li dik ta’ Mejju hija elezzjoni nazzjonali l-partiti jistgħu saħansitra jżidu l-voti mill-2015. Minkejja l-2012, ix-xejriet juru li aktar Nazzjonalisti jivvutaw meta jkun hemm elezzjoni nazzjonali filwaqt li l-vot Laburista ma tantx iċċaqlaq u allura l-PN mistenni jżomm il-maġġoranza.

Il-voti li ġabet l-AD mhumiex kbar, għalkemm fl-2015 il-partit qabeż il-200 vot u kiseb 234 vot.

It-tnejn kibru imma l-Labour jibqa’ minn fuq

Pembroke hija lokalità illi dejjem kellha maġġoranzi Laburisti, xi minn daqqiet kbar, drabi oħrajn żgħar.

Li hu żgur huwa li fiż-żewġ lokalitajiet il-PN u anke l-PL żiedu l-voti bejn l-2005 u l-2013, għalkemm b’607 voti l-PN esperjenza rata ta’ tkabbir akbar mill-PL li żied b’463.  Fl-2005, meta saret l-elezzjoni lokali biss, il-PN kiseb 359 vot (29%) u fl-2013, mal-elezzjoni ġenerali l-PN kiseb 966 vot.

Fl-2005, il-PL kiseb maġġoranza kbira ta’ 63%, b’787 vot, iżda mbagħad naqqas għal 54% meta kiseb 1,250 vot fl-2013.

Fl-2008 allura meta saret elezzjoni ġenerali il-PN kiseb 862 vot u l-PL kiseb 1,051 vot, b’differenza ta’ 189 vot.

Pembroke, għalkemm mhux kbir, qed jikber u forsi dan huwa rifless ukoll fid-differenza tal-voti bejn l-elezzjonijiet lokali li seħħew ma’ waħda ġenerali fl-2008 u l-2013.

Minkejja kollox, la l-PL dejjem żamm maġġoranza f’Pembroke dan mhux mistenni jinbidel f’Mejju li ġej ġaladarba lanqas biss inbidel f’żewġ elezzjonijiet ġenerali u ladarba l-PL bħalissa jinsab minn fuq sew fis-sondaġġi.

Lokalità li mistennija tibqa’ b’maġġoranza komda Laburista

Fl-aħħar snin il-Gżira ssodat il-maġġoranza Laburista, hekk kif dan il-partit baqa’ jżid. Minn 1,837 fl-2007 għal 2,084 fl-2015.

Fl-aħħar tliet elezzjonijiet il-Partit Laburista dejjem baqa’ minn fuq b’51% fl-2007 (1,837), kważi b’60% fl-2012 (meta saret biss l-elezzjoni lokali) b’59% (1,869) u b’54% (2,084) fl-2015.

Il-PN, min-naħa l-oħra, bata sew fl-2012 meta kiseb 1,207 jew 38% biss tal-vot.

Minkejja li fl-aħħar elezzjonijiet il-PL dejjem kellu maġġoranza, kien ir-riżultat tal-PN l-aktar li għamel differenza, u allura dawk in-Nazzjonalisti li ppreferew jibqgħu d-dar milli jivvutaw meta kien hemm elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali waħedha.

Mejju mhux se jkun differenti u għalkemm il-PL mistenni jkompli fejn ħalla fl-aħħar tliet elezzjonijiet u jżomm maġġoranza, id-daqs tad-distakk Gżirjan bejn il-PN u l-PL se jiddependi ħafna fuq kemm Nazzjonalisti jmorru jivvutaw.

In-Naxxar mistenni jibqa’ Nazzjonalist, imma l-Labour mhux qiegħed ’il bogħod wisq

In-Naxxar hija lokalità kbira tradizzjonalment Nazzjonalista bħal-lokalitajiet kważi kollha madwarha.

Sal-aħħar elezzjoni lokali li saret fin-Naxxar (2013) kien hemm ftit aktar minn 10,000 votant li minnhom 4,961 ivvutaw PN u 3,863 PL.

Meta wieħed iżomm f’moħħu illi fl-2013 kien hemm ukoll l-elezzjoni ġenerali u allura l-PN u l-PL laħqu l-massimu, il-Partit Laburista fil-fatt jikseb ammont rispettabbli ta’ voti hawnhekk anke jekk f’minoranza.

Il-vot Nazzjonalista u anke dak Laburista dejjem żdied, fil-fatt. Bil-PN jikseb 3,026 vot fl-2006 u jirbaħ b’distakk ta’ 861 vot, filwaqt li fl-2009 mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew żdied għal 3,790 u rebaħ b’distakk ta’ 787 vot fuq il-PL li kiseb 3,003 voti.

Fl-2013 imbagħad il-PL reġa’ ra t-total tal-voti tiegħu jiżdiedu għal 3,863, bil-PN iżda jżid 1,200 vot u jikseb 56% tal-voti. 

Il-PN mistenni jżomm il-maġġoranza komda f’din il-lokalità, anke jekk id-distakki favur il-PN hawnhekk lanqas huma nofs il-kobor tad-distakki li kiseb il-PL f’lokalitajiet Laburisti li huma viċin in-Naxxar fid-daqs. Dan ifisser illi huwa bil-ħafna iktar faċli li l-PL jirbaħ in-Naxxar milli l-PN jista’ qatt jirbaħ Marsaskala.

More in Politika