Il-partiti jxammru l-kmiem ... mil-lejla tibda l-kampanja elettorali

Il-Partit Nazzjonalista se jniedi l-kampanja llejla filwaqt li l-Partit Laburista se jibda min-nhar il-Ħadd li ġej

Wara li għaddew il-festi tal-Għid il-Kbir, il-partiti politiċi mill-ewwel xammru l-kmiem biex mil-lejla se tkun qed tibda l-kampanja elettorali li se twassal sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali fil-25 ta' Mejju li ġej.

Wara li tella' l-billboards fit-toroq, illejla l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi l-kampanja tiegħu għalkemm sa issa għadu mhux magħruf x'se jkun qiegħed jorganizza.

It-tema li għażel il-Partit Nazzjonalista hija: "Flimkien għal Pajjiżna."

Il-Partit Laburista se jkun qed iniedi l-kampanja tiegħu nhar il-Ħadd li ġej waqt l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali.

Dakinhar ukoll, il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jorganizza Kunsill Ġenerali li matulu se jkun qiegħed jippreżenta dokument b'diversi proposti.

Il-kampanja tissokta l-ġimgħa d-dieħla b'diversi attivitajiet. Nhar l-1 ta' Mejju, il-Partit Laburista se jkun qed jorganizza il-mass meeting annwali tiegħu ta' Jum il-Ħaddiem, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jorganizza maratona għal ġbir ta' fondi.

Intant, il-partiti żgħar ukoll xegħlu l-magni elettorali tagħhom. Il-Partit Demkratiku tella' wkoll billboards fit-toroq, filwaqt li l-Alternattiva Demokratika, fl-aħħar ġimgħat organizzat diversi konferenzi.

Wieħed jistenna li partiti oħra, fosthom il-Moviment Patrijotti Maltin u anke kandidati oħra indipendenti jibdew isemmgħu aktar leħinhom.

Dan is-sit, flimkien mal-gazzetta ILLUM se jkunu qed iżommukom aġġornati kontinwament dwar dak kollu li se jkun qiegħed jiġri matul din il-kampanja elettorali.

More in Politika