Ix-xewqa tal-Luqin tkompli ssir realtà… Jilqgħu l-Irxoxt indurat

Ilbieraħ f’diversi lokalitajiet saru l-purċissjonijiet bl-Irxoxt iżda f’Ħal Luqa l-festa kienet waħda speċjali. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Publio Magro, l-induratur li tul dawn l-aħħar xhur ħoloq l-induratura fina u rikka tal-irxoxt li l-Luqin żanżnu s-sena li għaddiet

L-induratur Publio Magro
L-induratur Publio Magro

Wara li nhar il-Ħamis li għadda l-qniepen siktu leħinhom, ilbieraħ sebħu jdoqqu moti ferrieħa biex ixandru l-ferħ tal-Għid il-Kbir mal-erbat irjieħ, l-akbar solennità tal-Knisja.

Biex ikomplu jżidu ma’ dan il-ferħ, ilbieraħ, f’diversi lokalitajiet, isiru purċissjonijiet u manifestazzjoni bl-istatwi tal-Irxoxt u jispikka l-ġiri tradizzjonali li jżid mal-atmosfera ta’ brijju.

Iżda f’Ħal Luqa, il-ferħ u l-atmosfera ta’ festa inħasset doppju hekk kif wara li s-sena li għaddiet żanżnu statwa ġdida ta’ Kristu Rxoxt, din is-sena reġgħu laqgħuha fit-toroq tagħhom indurata, biex hekk ix-xewqa tal-Luqin qed tkompli ssir realtà.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-gazzetta ILLUM niżlet fil-maħżen ta’ Publio Magro fil-Furjana, l-induratur li l-Luqin għażlu biex jindura l-istatwa l-ġdida ta’ Kristu Rxoxt u bir-raġun, għaliex huwa induratur veteran li fl-aħħar snin kellu f’idu wkoll ir-restawr ta’ diversi statwi titulari, fosthom dik ta’ Sant’ Andrija tal-istess lokalità, il-vara ta’ San Publju tal-Furjana, tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta u diversi statwi ta’ San Ġużepp, inkluż dik titulari tal-Imsida.

Publio, flimkien maż-żagħżugħ li qed irawwem, Carmel Cassar, kienu għadhom qed ipoġġu, b’paċenzja liema bħalha, l-aħħar ftit folji deheb li taw dehra glorjuża lil din l-istatwa minquxa fl-injam mill-artisti Michael u Adonai Camilleri Cauchi.

L-induratur żagħżugħ Carmel Cassar
L-induratur żagħżugħ Carmel Cassar

Xi proċess jinvolvi l-induratura?

Tkellimna mal-induratur dwar il-proċess li wassal biex din l-istatwa ġiet indurata.

Publio spjega kif il-proċess jibda ħafna qabel titpoġġa l-ewwel folja deheb. Fil-fatt, ġaladarba din hija statwa tal-injam, l-ewwel ħaġa li jagħmel l-induratur hija li jagħmel ix-xoqqa fuq fejn ikun hemm il-ġonot fl-injam, bl-għan li dawn jirreżistu l-ixpakki.

Minn hemm, ikun imiss li l-istatwa tingħata l-ġibs, proċess li wkoll jieħu ħafna ħin.

“Lil dan l-Irxoxt tajnieh xejn inqas minn 15-il passata ġibs,” spjegalna l-induratur u dan minħabba l-fatt li ħadem disinn skolpit fil-libsa tal-Irxoxt (teknika magħrufa bħala bassorilievo). Biex joħroġ id-disinn, l-induratur ikun irid jerġa’ jneħħi minn dan il-ġibs u għalhekk huwa importanti li jkun hemm biżżejjed biex id-disinn ikun jista’ joħroġ ċar.

Tkellimna aktar dwar dan id-disinn imqabbeż fil-libsa tal-Irxoxt, b’Publio Magro jisħaq dwar l-importanza li l-iskultur u anke l-induratur jaħdmu id f’id biex ir-riżultat finali jkun jixraq.

Fil-fatt, għalkemm normalment id-disinn tal-induratura jagħmlu l-induratur, f’dan il-każ, Publio ħass li kellu jaħdem id f’id mal-artisti u ħalla f’idejn Camilleri Cauchi biex jiddisinjaw it-tberfila tal-libsa (id-dawra ta’ barra), filwaqt li hu ħa ħsieb il-kumplament tad-disinn.

Meta jkollu d-disinn f’idu, l-induratur, b’delikatezza u bi preċiżjoni, ipinġih fuq il-ġibs biex imbagħad, wara li l-ġibs ikun ġie rfinut u maħsul biex jingħalqu l-pori tiegħu, ikun jista’ jibda jnaqqax ftit ftit fih biex id-disinn jieħu l-ħajja.

Issa, wara dan ix-xogħol li jkun ħadlu ġimgħat, l-induratur ikun jista’ jibda jipprepara għall-induratura billi jagħti dak li jissejjaħ il-boll li joħloq id-differenza fejn dawk il-partijiet li jkunu ġejjin ileqqu u dawk li jkunu ġejjin matti.

Minn hemm, ftit ftit, jibda jitpoġġa d-deheb b’dak il-proċess li jissejjaħ ‘water gilding,’ fejn l-induratur ixarrab bi ftit ilma fejn ikun se jpoġġi d-deheb. Dawk il-partijiet li l-induratur ikun irid li jiġu jleqqu, 24 siegħa wara li jinxfu, jagħtihom l-imborn. Dawk il-partijiet matti jingħataw it-tempra.

Iżda l-proċess lanqas ma jieqaf hawn. Ikun imiss li l-induratur jirtokka d-deheb, għaliex meta l-ġibs jixrob l-ilma li jkun ingħata biex jitpoġġa d-deheb, peress li d-deheb huwa folja, ikun hemm fejn jaqsam u għalhekk ikun irid jerġa’ jsir l-irtokk u fejn ikun hemm bżonn jerġa’ jsir l-imborn.

Fl-aħħar nett, l-induratura tingħata l-verniċ li fi kliem sempliċi qisu jiksi l-istatwa b’folja protettiva li tipproteġi l-induratura mill-elementi.

Dettall tat-tberfila fuq il-libsa tal-Irxoxt
Dettall tat-tberfila fuq il-libsa tal-Irxoxt

X’differenza hemm bejn din it-tip ta’ induratura u l-isgraffir?

Wara li tkellimna dwar dan il-proċess twil li jitlob paċenzja kbira, staqsejna lill-induratur x’differenza hemm bejn meta qed jindura statwa bħal dan l-Irxoxt, fejn il-libsa hija kollha kulur id-deheb, u meta qed jaħdem induratura ta’ statwa oħra li l-libsa tagħha tkun ukoll bil-kulur, bħal fil-każ ta’ ħafna mill-vari titulari.

Publio Magro spjegalna li dan jissejjaħ sgraffir. F’dan il-każ, id-deheb jiġi kollu kemm hu mbornut (jiġifieri ma jkunx hemm differenza fejn partijiet ileqqu u oħrajn matti).

Spjegalna kif il-proċess huwa itwal minħabba l-fatt li l-fond ikun irid jingħata ż-żebgħa, li jipproċessaha apposta l-induratur. Wara li ż-żebgħa tinxef, l-induratur, b’delikatezza kbira jibda jigrifha ftit ftit u fejn jingiref jibda joħroġ id-deheb li jkun hemm taħt.

“Għalhekk meta tara statwa mill-viċin, l-induratura tkun qisha ħajt irqiq tad-deheb. Dawk huma l-partijiet li jkunu ġew migrufa u joħroġ l-effett ta’ ħajta deheb u ħajta kulur,” spjegalna Magro.

Dettall tal-induratura u l-bassorilievo fuq il-libsa tal-Irxoxt
Dettall tal-induratura u l-bassorilievo fuq il-libsa tal-Irxoxt

‘L-induratur irid jadatta skont l-istatwa li jkollu quddiemu’

Ovvjament, kompla jispjegalna Publio, qabel jibda x-xogħol tal-induratura, l-induratur irid jadatta dak li jkun qed jagħmel skont l-istatwa li jkollu quddiemu u lil min tirrappreżenta.

Ix-xewqa tal-klijenti wkoll trid tkun ikkunsidrata. F’dan il-każ, spjegalna l-induratur, il-Luqin minn dejjem xtaqu li l-Irxoxt tagħhom ikollu l-libsa kollha kemm hi kulur id-deheb.

“Aħna għamilnieh kif xtaqu l-Luqin u biex ikun orġinali, id-disinn għamilnieh imqabbeż,” kompla jispjegalna. “Tidħol ukoll l-arti tal-induratur, is-sengħa tiegħu u anke x-xewqat tal-artist li jkun ħolqu.”

It-temp ukoll jilgħab parti importanti?

Ma stajniex ma nistaqsux lil Publio jekk qattx inkwieta li statwa li kien qed jaħdem fuqha ma jlestihiex fil-ħin.

“Ninkwieta dejjem,” qalilna Publio waqt li fakkarna li t-temp jilgħab parti importanti wkoll. “Din il-ġimgħa t-temp qed jgħinna ħafna għax għamel ħafna riħ fuq. Imbagħad taħdem skont in-neċessità. Ġieli bqajna sa tard filgħaxija minn kmieni filgħodu,” qalilna Publio li spjegalna kif hu u Carmel qattgħu dawn l-aħħar sitt xhur jaħdmu bla waqfien fuq dan l-irxoxt.

Diġà bdejna nħossu n-nuqqas tiegħu…imma meta tarah f’postu tħoss sodisfazzjon kbir’

Tagħmel sitt xhur taħdem fuq statwa bħal din, xi ftit jew wisq tispiċċa torbot qalbek magħha. Xi jħoss l-induratur meta jara statwa tħalli l-maħżen tiegħu?

“Diġà bdejna nħossu n-nuqqas tiegħu anke jekk għadu hawn. Imma wara kollox qed nindurawh biex narawh fil-knisja. Mill-banda l-oħra iġri narawh lest, fuq il-qabar tiegħu,” qalilna l-induratur. “Meta qed tarah f’postu, tħossok sodisfatt għax tħares lejh u tara l-frott ta’ jdejk.”

Intant, l-Irxoxt ħalla l-maħżen fil-Furjana nhar Ħamis ix-Xirka stess iżda dan ma kienx ifisser it-tmiem tax-xogħol.

Kif jidher mir-ritratti, il-karnaġġjon kien għadu mhux lest u l-iskulturi li ħadmu din il-vara maestuża qattgħu dawn l-aħħar jiem ilestu l-karnaġġjon, biex ilbieraħ filgħaxija, l-Irxoxt ingħata komplut lill-poplu ta’ Ħal Luqa.

More in Politika