'Irridu naċċertaw li dawn il-liġijiet li daħħalna jinħassu aktar fil-ħajja ta’ kuljum'

Il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza f’kollaborazzjoni mal-MFA biex tiżdied il-kuxjenza dwar l-ugwaljanza fl-isports

Illum waqt konferenza stampa l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli ħabbret inizjattiva ta’ kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta biex permezz tal-futbol tiżdied il-kuxjenza dwar l-ugwaljanza fl-isports.

“Wara li daħħalna liġijiet li għamluna l-aqwa fid-dinja fejn jidħlu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, issa rridu naċċertaw li dawn il-liġijiet jinħassu aktar fil-ħajja ta’ kuljum”.

 Dalli fissret kif il-futbol huwa l-aktar sport popolari f’pajjiżna u għaldaqstant l-MFA tista’ toffri l-aqwa pjattaforma biex nilħqu spettru wiesgħa tas-soċjetà. Dan fil-kuntest tal-bżonn li nindirizzaw il-kultura ta’ diskriminazzjoni li għadha tippersisti f’forom varji, mhux biss kontra persuni LGBTIQ iżda anke abbażi tar-reliġjon, diżabilità, jew razza.

Il-Ministru Dalli żiedet li dan l-eżerċizzju huwa biss ħolqa waħda f’katina ta’ inizjattivi differenti f’ċelebrazzjoni tad-diversità. Skont il-Ministru din il-kollaborazzjoni mal-MFA se toffri l-bażi għal kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħra biex flimkien niżirgħu ż-żerriegħa għal soċjetà inklussiva li tħaddan id-diversità fil-forom kollha tagħha.

Min-naħa tiegħu l-Viċi-President tal-MFA Matthew Paris tenna l-impenn tal-akbar assoċjazzjoni sportiva f’pajjiżna li tiftaħ il-bibien tagħha beraħ permezz tal-proġett Football for Life. Paris sostna li l-MFA hija kommessa li toffri opportunitajiet ugwali għal kulħadd, kif jixhdu proġetti oħra bħal dak indirizzat għall-aċċessibiltà u l-esperjenza fl-istadium nazzjonali ta’ persuni nieqsa mid-dawl jew mis-smigħ.

Paris qal illi 70% tat-tfal Maltin xi darba jew oħra jgħaddu min-nurseries Maltin u Għawdxin, u għaldaqstant persważ li l-MFA se tkun entità importanti fit-tkattir ta’ soċjetà inklussiva. F’dan il-kuntest, huwa saħaq li l-inizjattiva favur l-ugwaljanza mhux se tieqaf fi tmiem il-ġimgħa, iżda se tkun waħda rikurrenti u mifruxa biex tilħaq kemm jista’ jkun persuni tul is-sena kollha.

Din l-inizjattiva hija parti mit-tieni strateġija nazzjonali u pjan t’azzjoni għall-ugwaljanza li ġiet varata f’Settembru 2018 u mmexxija mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni.

 

More in Politika