Delia jakkuża lill-Ministru Ian Borg li ħa l-liġi f'idejh u li 'm'għandux diċenza'

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jsostni illi meta l-Ministru Ian Borg eżonera lilu nnifsu minn inkjesta maġisterjali dwar l-inċident li seħħ fl-Imġarr u li ra tnejn minn nies jitilfu ħajjithom,  hu qed 'jieħu l-liġi f'idejh' 

Delia ilejla f'diskors fil-każin tal-PN tal-Gżira fetaħ attakk qawwi fuq il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u sostna li fil-każ tal-inċident fatali tal-Imġarr dan ħa "l-liġi f'idejh". Delia spjega li Borg għamel dan meta skontu, eżonera lilu nnifsu u r-responsabilità politika mill-inkjesta maġisterjali li se ssir dwar dan l-nċident li ħalla tnejn mejtin. 

"Kif għandu l-wiċċ? Jieħu l-liġi b'idejh u jiggarantixxi li ma ssirx ġustizzja," allega l-Kap tal-PN li kompla jgħid illi Borg m'għandux diċenza u bi kliemu, meta eżonera lilu nnifsu mill-inkjesta huwa sar "xempju ta' gvern li ma jafx fejn toqgħod il-governanza."

Delia tkellem dwar il-kwistjoni tal-kirjiet,il-faqar u r-rapport Greco u qal illi llum il-pajjiż jinsab f'salib it-toroq, qabel imbagħad ibbottja; "anzi iktar għax is-slaleb se jneħħuhom u t-toroq diżastru."

"Muscat se jħalli ħerba warajh," sostna Delia li għalaq billi appella lin-Nazzjonalisti biex immorru jivvotaw u ma jibqgħux id-dar. Skont Delia, meta jibqgħu d-dar dawn se jkunu qed jagħtu l-approvazzjoni tagħhom lill-Gvern.

More in Politika