Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Filmat | ‘Ma nistgħux noqogħdu ngergru wara l-elezzjoni jekk ma nivvutawx’

L-elezzjoni wara l-bieb iżda ż-żgħażagħ veru ma jinteressahomx? X’se jagħmlu din is-sena? Se jivvutaw? U x’qed iqanqal id-deċiżjoni tagħhom?

Liam Carter / 16 t'April 2019 17:43
L-istudenti jitkellmu mal-gazzetta ILLUM u jgħidulna hux se jivvutaw
Fl-aħħar ġranet tax-xahar id-dieħel, il-Maltin u l-Għawdxin se jkollhom l-għażla li jeleġġu r-rappreżentanti preferuti tagħhom fl-isfera lokali u dik Ewropea. Ovvjament wieħed mill-gruppi ta’ votanti li jaffettwa l-eżitu hu żgur dak taż-żgħażagħ u l-istudenti. Apparti hekk, din is-sena se tkun l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li żgħażagħ ta’ 16-il sena se jkunu jistgħu jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet.

Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-gazzetta marret l-Università ta’ Malta u staqsiet 100 student, numru kbir biżżejjed biex nieħdu idea ċara ta’ x’qed jaħsbu ż-żgħażagħ Maltin fl-ogħla istituzzjoni edukattiva. Staqsejna żewġ mistoqsijiet bażiċi. L-ewwel nett  jekk humiex se jivvutaw u t-tieni għal xiex.

Għalkemm dan l-eżerċizzju kien sempliċiment indikattiv, jidher biċ-ċar li l-maġġoranza tal-istudenti ħerġin jivvutaw għaliex jemmnu bis-sħiħ, “li dan huwa dritt tagħhom.”

Source: L-istudenti Universitarji se jivvutaw jew le fl-elezzjoni ta' Mejju? by Illum

‘Jekk ma mmurx nivvota ma nistax ingerger’

Mill-eżerċizzju li għamilna jirriżulta li 72% ta’ dawk l-istudenti żgħażagħ intervistati mill-ILLUM beħsiebhom joħorġu jivvutaw filwaqt li 28% huma ċerti li mhumiex se jivvutaw ix-xahar id-dieħel.

Fil-maġġorparti tagħhom dawk li qalu li beħsiebhom jivvutaw, saħqu li se jagħmlu dan primarjament għax il-vot huwa dritt u dmir tagħhom. “Għandna d-dmir li nivvutaw sabiex nkunu nistgħu niġu rrappreżentati sew u nsemmgħu l-vuċi tagħna ż-żgħażagħ.”

Numru sostanzjali ta’ studenti għamluha ċara li, għalkemm forsi ma tantx għandhom interess fil-politika huma beħsiebhom joħorġu jivvutaw minħabba l-fatt li jekk ma jagħmlux dan ma jkollhomx ‘dritt’ igergru dwar l-andament tal-pajjiż wara l-elezzjoni.

Kwistjonijiet ambjentali, renta u proprjetà jimmotivaw il-vot

Numru konsiderevoli ieħor ta’ studenti jidher li se jkunu qegħdin jibbażaw il-vot tagħhom fuq kwistjonijiet li fi kliemhom stess iħossu, “li huma ta’ importanza kbira mhux biss għall-pajjiż iżda għall-pjaneta kollha.”

Fost l-oħrajn huma qalu li l-ħeġġa biex jivvutaw ġejja minn kwistjonijiet ambjentali, bħal żvilupp eċċessiv, tniġġis u anke tisħin globali.

Element ieħor, li għalkemm mhux fil-maġġoranza iżda preżenti sew, huwa l-vot motivat minn kwistjonijiet li qed jinkwetawhom: fosthom il-problema ta’ akkomodazzjoni affordabbli u l-kontrolli tal-kera.

Fiduċja fil-partiti, immigrazzjoni u Ewro-xettiċiżmu

Min-naħa l-oħra dawk li huma rrassenjati li mhux se jivvutaw qalu li se jagħmlu dan minħabba li fost l-oħrajn, “tilfu l-fiduċja li xi darba kellhom fil-partiti politiċi lokali.”

Oħrajn qalu li għalkemm jaraw l-Unjoni Ewropea u l-Kunsilli Lokali bħala kunċett tajjeb, mhumiex konvinti li l-vot tagħhom se jwassal biex finalment issir il-bidla li huma jridu jaraw. Fi kliem ieħor dawn tal-aħħar jemmnu li dawn huma ineffettivi.

 

Fl-aħħar nett kien hemm dawk ukoll li d-deċiżjoni tagħhom kienet motivata mill-problema tal-immigrazzjoni u li skonthom, “dawk li jmexxu mhuma jagħmlu xejn biex jindirizzaw serjament din il-problema.”

Kien hemm dawk ukoll li kif nissilna d-domandi baqgħu sorpriżi li x-xahar id-dieħel se jkun hemm elezzjoni!

‘Nuqqas ta’ interess għax il-PN ma jafx fejn qiegħed’

Fuq dan kollu l-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Andrew Azzopardi, Professur u Dekan fl-Università ta’ Malta. Skontu din is-sena hawn inqas interess mhux biss miż-żgħażagħ iżda minn kulħadd.

“Naħseb li din is-sena l-interess huwa ħafna inqas. Ovvjament ir-raġuni hi marbuta mal-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma jafx fejn qiegħed u allura m’għandekx dik il-kompetizzjoni elettorali,” sostna l-Professur.

Azzopardi spjega kif il-pika hi waħda mill-fatturi li tqajjem interess dwar l-elezzjoni. “Din bħal festa, jekk ma jkollokx żewġ festi qawwijin mhux se jkollok daqshekk interess.”

Staqsejna wkoll lil Azzopardi jekk jaħsibx li l-Ewro-xetiċiżmu qed jaffettwa dan in-nuqqas ta’ interess. Mal-ILLUM huwa qal li ma jaħsibx li dan huwa minnu iżda li, “il-problema hi li qed jiżdied ix-xettiċiżmu fil-konfront tal-partiti u mhux fil-kawża.”

Fl-aħħar nett staqsejna lid-Dekan jekk jaħsibx li hemm aktar ċans li ż-żgħażagħ jivvutaw lit-tielet partit jew lil xi kandidat alternattiv. Fuq din huwa qal li, “l-istudent huwa ġeneralment liberu u aktar ħieles fil-vot. Madanakollu huwa tal-opinjoni li, il-vot taż-żgħażagħ jintrebaħ ukoll mill-kariżma tal-mexxej tal-partit inkiwstjoni. “Joseph Muscat jattira ħafna żgħażagħ bil-kariżma tiegħu, Adrian Delia ħafna inqas,” temm jgħid Azzopardi.

Il-Professur Andrew Azzopardi
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook