Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Il-Parlament Ewropew jivvota favur aktar protezzjoni għall-whistleblowers

Il-liġi tipprojbixxi r-ritaljazzjonijiet u tintroduċi protezzjonijiet biex il-whistleblower ma jkunx jista’ jiġi sospiż, imniżżel grad, intimidat ...

Albert Gauci Cunningham / 16 t'April 2019 14:45
Dawk li jikxfu informazzjoni miksuba matul ix-xogħol tagħhom, dwar attivitajiet illegali jew dannużi, ser jiġu protetti aħjar, skont regoli ġodda approvati t-Tlieta.

Ir-regoli l-ġodda, li diġà kien hemm qbil dwarhom mal-ministri tal-UE, jistabbilixxu standards madwar l-UE kollha biex il-whistleblowers ikunu jistgħu jiżvelaw ksur tal-liġijiet tal-UE f’bosta oqsma bħall-akkwist pubbliku, is-servizzi finanzjarji, il-ħasil tal-flus, is-sigurtà tal-prodotti u t-trasport, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, u l-protezzjoni tad-data.

Kanali siguri għar-rappurtar

Ir-regoli ser jippermettu lill-whistleblowers jikxfu informazzjoni permezz ta’ kanali interni lill-entità ikkonċernata jew direttament lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji rilevanti tal-UE.

F’każijiet fejn ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni xierqa b’riżultat tar-rapport inizjali tal-whistleblower, jew jekk jemmnu li hemm periklu imminenti għall-interessi pubbliċi jew riskju ta’ ritaljazzjoni, il-whistleblower xorta jkun protett jekk jagħżel li jikxef l-informazzjoni pubblikament.  

Protezzjoni kontra ritaljazzjonijiet

Il-liġi tipprojbixxi espliċitament ir-ritaljazzjonijiet u tintroduċi protezzjonijiet biex il-whistleblower ma jkunx jista’ jiġi sospiż, imniżżel grad, intimidat jew jiġi kkonfrontat b’forom oħra ta’ ritaljazzjoni.  Dawk li jgħinu lill-whistleblowers, bħal faċilitaturi, kollegi u qrabat, għandhom ukoll jibbenefikaw minn protezzjoni.

L-istati membri jridu jiżguraw li l-whistle-blowers ikollhom aċċess għal informazzjoni sħiħa u indipendenti dwar il-proċeduri u r-rimedji b’xejn disponibbli, kif ukoll għajnuna legali matul il-proċedimenti.  Matul proċedimenti legali, il-whistle-blowers jistgħu wkoll jirċievu appoġġ finanzjarju u psikoloġiku.

Il-passi li jmiss

Il-liġi issa trid tiġi approvata mill-ministri tal-UE.  L-istati membri mbagħad ikollhom sentejn biex jikkonformaw mar-regoli.

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook