Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Ian Borg qed iqarraq dwar it-toroq f'San Pawl il-Baħar' - PN

Il-PN jisħaq li l-Gvern talab is-somma ta' aktar minn miljun ewro lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar biex jagħti t-tarmak lil 17-il triq f'San Pawl il-Baħar

Yendrick Cioffi / 15 t'April 2019 16:10
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Ministru Ian Borg qiegħed iqarraq meta jagħti l-impressjoni li se jagħmel tajjeb għat-toroq li se jingħatalhom il-wiċċ bit-tarmak f'San Pawl il-Baħar meta l-verità hi li se jkun il-Kunsill Lokali li jiffinanzja dawn it-toroq.

Qalu dan il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u Toni Bezzina li waqt konferenza tal-aħbarijiet insistew li fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għad-Trasport għażel li jieħu l-kreddtu hu u Infrastructure Malta bla ma' qal il-verità

“ll-Ministru Ian Borg b'mod intenzjonat naqas li jagħmel referenza għall-korrispondenza uffiċjali bejn il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, Infrastructure Malta u l-Ministru nnifsu. Dan minkejja li l-istess Kunsill Lokali talab direttament lill-Ministru sabiex tiġi kjarifikata din l-istess stqarrija li tat stampa differenti ta' kif seħħew il-fatti,” saħqu l-Kelliema.

Huma spjegaw li mill-korrispondenza li l-Oppożizzjoni għandha kopja tagħha, jidher li:
  • Il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Bahar ilu aktar minn sena jipprova jagħti xogħol ta' resurfacing ta' toroq lil numru ta' kuntratturi, iżda dawn dejjem irrifjutaw li jagħmlu dan ix-xogħol fuq raguni li kienu impenjati fuq xogħol ieħor mogħti lilhom mill-Gvern.
  • Minkejja li l-Gvern ta l-impressjoni li se jkun li se jagħmel tajjeb finanzjarjament għat-toroq f'San Pawl il-Baħar, talab is-somma ta' aktar minn miljun ewro lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.
  • Il-Ministru naqas li jagħmel referenza għal dan il-fatt, kif naqas li jagħmel referenza għall-fatt li l-Kunsill, qabel beda x-xogħol, diġà għadda bil-quddiem ħlas ta' nofs miljun ewro dirett fil-kont ta' Infrastructure Malta.


Il-kelliema saħqu li l-Gvern jinsab mhedi fi kritika diretta u sistematika lejn il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, għax iridu taħt idejh.

Min-naħa tiegħu, Robert Cutajar insista wkoll li l-komunità ta' San Pawl il-Baħar li tinkludi x-Xemxija, l-Imbordin, il-Qawra, Buġibba, Burmarrad u l-Wardija qed jesperjenzaw nuqqasijiet kbar fejn jidħol l-infurzar u l-kriminalità, infurzar fuq rimi ta' skart goff u l-ħruġ ta' skart  barra l-ħinijiet normali.

“Fil-ġlieda kontra l-kriminalità, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jidħlu l-kunċetti tal-community policing u tourism policing, biex titnaqqas il-kriminalità mhux biss f'San Pawl il-Baħar iżda madwar il-pajjiż kollu,” fakkar Cutajar.

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca qal li l-Gvern Soċjalista qed jieħu bosta responsabbiltajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali u mhux l-ewwel darba li jilgħab bil-fondi, kif ukoll dawk Ewropej biex jgħid li jkun qiegħed jagħmel il-proġetti.  

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti wkoll il-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f'San Pawl il-Baħar Dounia Borg, Anthony Delia, Graziella Galea u Edward Torpiano.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook