'Minkejja l-fondi li għandu l-Kunsill Lokali qatt ma rranġa dawn it-toroq'

Il-Ministru Ian Borg jisħaq li, l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar qatt ma ħa azzjoni biex jirranġa t-toroq

17-il triq fl-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra se jibdew għaddejjin minn xogħlijiet estensivi ta’ tiswija favur sigurtà u kwalità aħjar.

Dawn it-toroq jinkludu Triq Isourd, Triq Toni Bajada, Triq Ċensu Tanti, Triq iċ-Ċagħaq, Triq l-Ibħra, Triq il-Ġifen, Triq Sant’ Antnin, Triq il-Ħalel, Triq iċ-Ċern, Triq is-Sajjieda, Triq J. Quintinus, Triq Annetto Caruana, Triq il-Port Ruman, Triq il-Maskli, Triq l-Imħar, Dawret il-Gżejjer u Triq ir-Ramel.

Fi stqarrija kmieni dalgħodu, il-Gvern spjega kif finalment kellu jkun huwa li jintervjeni sabiex issir din it-twisija.

“Għal snin twal il-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar, minkejja li kellu l-fondi u riżorsi, qatt ma ħa azzjoni sabiex jirranġa dawn it-toroq li tħallew mitluqa sa ma waslu fi stat gravi, dan il-gvern ħa d-deċiżjoni li juża dawn l-istess fondi sabiex jagħmel tiswija fuq dawn is-17-il triq,” qalet l-istqarrija.

Fil-kummenti tiegħu il-Ministru Borg qal,  “ma stajniex nibqgħu nistennew li toroq tant gravi ssirilhom tiswija temporanja minn ħaddieħor sakemm jasal il-waqt li dawn jinbnew mill-ġdid bħal toroq oħra. Kommessi li nkomplu nieħdu aktar deċiżjonijiet favur kwalità tal-ħajja aħjar għar-residenti kollha ta’ pajjiżna,” saħaq il-Ministru Borg.

More in Politika