Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

‘Biż-żfin nużaw lingwa li kulħadd jista’ jifhem’

L-operazzjoni Voyager tan-Nasa tinbidel f’koreografija taż-żfin minn ŻfinMalta. L-ILLUM tiltaqa’ mad-Direttur Artistiku Paola Mangiola

Yendrick Cioffi / 15 t'April 2019 12:18
Ħafna jħarsu lejn spettaklu taż-żfin bħala sempliċiment divertiment iżda għal ŻfinMalta, iż-żfin huwa ħafna aktar minn hekk għax kull koreografija li din il-kumpanija taħdem fuqha għandha messaġġ li trid twasslu lill-ispettatur.

Bħalissa ŻfinMalta għaddejja bit-tieni tour nazzjonali tagħha u din is-sena tixtieq tieħu lill-ispettatur f’dinja oħra, fl-Univers, biex jirrifletti dwaru nnifsu, id-dinja li qed jgħix fiha u l-mod kif qiegħed jitrattaha.

Iżda kif jista’ jkun li żifna ġġiegħel lill-ispettatur joħroġ minnu nifsu, jinqata’ mid-dinja ta’ madwaru u jirrifletti? Dwar dan, il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda mad-direttur artistiku tal-kumpanija, Paolo Mangiola, żeffien b’esperjenza kbira tant li żifen madwar id-dinja mal-kumpanija ta’ Wayne McGregor, qabel sar korjografu għal Baletto di Roma.

Mal-gazzetta ILLUM, Paolo Mangiola saħaq li din il-koreografija li ħoloq kienet ispirata mill-faxxinu li l-bniedem għandu dwar l-univers u l-għatx tiegħu biex jifhem il-post tiegħu f’dan l-infinit.

Minn fejn nibtet l-idea wara din il-koreografija?

Fil-fatt, din il-koreografija titratta l-operazzjoni storika tan-NASA, Voyager, partikolarment dik magħrufa bħala ‘l-Golden Record,’ diska kulur id-deheb, issiġillata f’kaxxi tal-aluminium, li tinkludi ritratti u anke ħsejjes mid-dinja u li l-bniedem bagħat fl-univers bl-għan li jinstabu minn xi ħajja oħra fl-univers, jekk teżisti jew inkella minn bnedmin oħra fil-futur.

“Il-koreografiji li noħloq kollha jibdew minn xi ħaġa li tqanqal fija kurżità u xi ħaġa li ma nafx dwarha. Kont naf dwar l-operazzjoni Voyager u l-Golden Record iżda ridt inkun naf aktar dwarha. Wara li għamilt ir-riċerka tiegħi, bdejt ninduna li dan jista’ jkun suġġett interessanti li nista’ nibdlu f’koreografija,” qalilna Mangiola.

Madanakollu huwa kompla jispjega magħna li koreografija taż-żfin ma ssegwix storja b’mod lineali kif jagħmel dramm jew inkella xi opra, iżda hu jiddeskriviha aktar bħala kollezzjoni ta’ xeni jiċċaqalqu li jqanqlu emozzjoni fl-ispettatur.

Iżda persuna li ma tifhimx fiż-żfin, se tirċievi l-messaġġ?

Staqsejna lil Mangiola jekk persuna li ma tifhimx fiż-żfin hux se ssib koreografija bħal tiegħu xi ftit jew wisq astratta u tibqa’ ma tifhem xejn. Iżda għad-direttur artistiku din ma għandhiex tkun problema għax fi kliemu, iż-żfin fih innifsu huwa lingwa.

“ll-moviment ma jikkomunikax b’mod lineali kif jagħmlu l-kliem iżda jagħmlu dan b’mod aktar kumpless,” qalilna Mangiola u propju għalhekk li fi kliemu, iż-żfin huwa ideali biex jikkomunika dan is-suġġett astratt.

Id-Direttur Artistiku Paolo Mangiola
Fil-fatt, għal dawk li forsi jibżgħu li jmorru u ma jifhmu xejn, Paolo Mangiola saħaq li koreografija ta’ żfin hija l-aktar forma aċċessibbli ta’ komunikazzjoni.

“Kollha kemm aħna għandna ġisem u għalhekk l-ispettatur mill-ewwel se jħoss il-konnessjoni mal-movimenti taż-żeffiena fuq il-palk. Illum nippruvaw nifhmu, nispjegaw  u nanalizzaw ħafna. Iż-żfin jgħinek tinqata’ minn dan kollu,” kompla Mangiola.

X’se jieħu miegħu l-ispettatur?

Komplejna nitkellmu mad-direttur artistiku dwar dak li jixtieq li l-ispettaturi jieħdu magħhom wara li jaraw din il-koreografija.

L-ewwel nett, Mangiola appella lil dawk li se jmorru jaraw din il-koreografija biex ma jagħmlu l-ebda aspettattiva iżda jmorru b’moħħ miftuħ, lesti biex jilqgħu dik l-emozzjoni li l-movimenti taż-żeffiena se jqanqlu fihom.

“Ejjew b’moħħ miftuħ u lesti biex f’temp ta’ 52 minuta tinqatgħu minn dak kollu ta’ madwarkom u biex tikkonċentraw fuq xi ħaġa li hija unika. Iż-żeffiena professjonali tagħna, bil-movimenti ta’ ġisimhom għandhom jgħinu lill-ispettatur li qed jirċievi dan il-moviment biex jirrifletti,” qalilna Mangiola.

Fil-fatt, ir-riflessjonijiet li Mangiola jixtieq li jwassal lill-Ispettur huma marbuta ma’ Voyager u l-famuża ‘Golden Record.’

“Aħna min aħna? X’inhuma l-messaġġi li nixtiequ nwasslu hemm barra? Kif qed nitrattaw lill-pjaneta tagħha? Għalfejn qed nittrattawha hekk? Nixtieq li l-ispettaturi jaslu biex jagħmlu dawn ir-riflessjonijiet u joħduhom magħhom barra mit-teatru,” qalilna d-Direttur Artistiku.

Fil-fatt, waħda mill-mistoqsijiet li ispirat lil Mangiola biex joħloq din il-koreografija, titratta propju l-Golden Record. Kieku n-NASA kellha tagħmel l-istess illum, x’se tibgħat fl-univers?

U l-koreografija kif tinħoloq?

Kien hawn li tkellimna ma’ Mangiola dwar kif joħloq koreografija. Spjega li bħal ħafna awturi huwa jibda bir-riċerka, jistaqsi mistoqsijiet partikolari, jesplora l-messaġġ li jixtieq iwassal, u minn hemm jibda joħloq il-kontenut li kull biċċa tkun tirrifletti parti mir-riċerka. Għall-kuntrarju ta’ kittieb, minflok juża l-kliem, iwassal dak li jixtieq permezz tal-movimenti.

“Aħna qed nużaw lingwa li kulħadd jista’ jifhem,” kompla jinsisti Mangiola.

Iżda min se jmur għal dan l-ispettaklu mhux se jara biss żeffiena. Mangiola spjegalna kif għal din il-produzzjoni kkollabora mal-artist Għawdxi Austin Camilleri li ħoloq is-sett, ma’ Luke Azzopardi li ddisinja l-ħwejjeġ u anke mal-kompożitur Veronique Vella li kitbet mużika oriġinali speċifika għal din il-koreografija.

Meta se jsiru l-ispettakli?

L-ispettakli bdew nhar is-Sibt li għadda, fl-Awditorium ta’ Santa Agata fir-Rabat u jkomplu nhar is-Sibt 27 ta’ April fit-Teatru tal-Opra Aurora f’Għawdex u nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju fi Pjazza Teatru Rjal.

Nixtieq li nara kemm jista’ jkun nies. Tibżgħux miż-żfin,” temm jisħaq magħna Mangiola.

ŻfinMalta - il-kumpanija nazzjonali taż-żfin, twaqqfet 4 snin ilu, meta saret leġiżlazzjoni apposta għat-twaqqif tagħha. Il-kumpanija, magħmula minn tmien żeffiena professjonali, tiżfen żfin kontemporanju. L-għan tal-kumpanija mhuwiex biss li ttella' produzzjonijiet fit-teatri Maltin, iżda li tqarreb iż-żfin iktar lejn il-pubbliku ġenerali, tgħin fit-tagħlim u l-edukazzjoni marbut maż-żfin f'kuntest lokali, u twassal il-kultura taż-żfin li nħaddnu fuq livell internazzjonali.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq: http://zfinmalta.org

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook