L-investigazzjoni ta’ tixħim fuq plejer tal-Premier fi ‘stajdu avvanzat’

'In-numru ta’ plejers investigati jaf jiżdied’ ... il-każ immur lura għas-sena 2017

Is-sit illum.com.mt jinsab infurmat li l-investigazzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) dwar każ ta’ tixħim f’logħbiet tal-Premier issa waslet fi stadju avvanzat.

Skont informazzjoni li għandna, l-MFA ilha għal xhur twal taħdem fuq informazzjoni li kienet waslitilha mill-kumitat tal-klabb inkwistjoni. Hu mifhum li attwalment l-investigazzjoni qiegħda ddur madwar plejer wieħed, però mhux eskluż li dan in-numru jiżdied.

Nhar il-5 ta’ Diċembru 2017, il-gazzetta ILLUM żvelat kif numru sostanzjali ta’ plejers ta’ Tarxien Rainbows kienu implikati f’ċirku ta’ tixħim.

‘Akkużat li ma rrapportax… In-numru ta’ plejers investigati jaf jiżdied’

Skont l-informazzjoni li għandu dan is-sit, l-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA, Franz Tabone, ilu għal dawn l-aħħar xhur jinvestiga b’reqqa dan il-każ.

Attwalment hemm plejer wieħed biss li qed ikun investigat minħabba li ma rrapportax it-tixħim. Madankollu, skont l-informazzjoni li għandna, ‘mhux eskluż li dan jiġi akkużat ukoll b’tixħim ġaladarba toħroġ informazzjoni ġdida fil-ġimgħat li ġejjin.’ U mhux hekk biss, hekk kif, ‘in-numru ta’ plejers investigati jaf jiżdied’.

Fuq dan kollu, dan is-sit tkellem mal-avukat għall-MFA, Adrian Camilleri. Mistoqsi, Camilleri ma riedx jikkummenta fuq il-każ, iżda kkonferma li l-investigazzjoni tinsab għaddejja fir-rigward ta’ dan il-plejer.

X’kienet irrapportat l-ILLUM?

Kien propju fil-5 ta’ Diċembru 2017 li din il-gazzetta ħarġet l-aħbar li l-Pulizija flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta (MFA) kienet fetħet investigazzjoni fuq numru ta' plejers mit-tim ta' Tarxien Rainbows li allegatament kienu mdaħħlin f'ċirku ta’ ‘match-fixing’.

Fost dawk il-persuni f’nofs l-investigazzjoni hemm xi plejers li fil-passat għamlu parti mill-istruttura ġovanili tat-tim nazzjonali Malti.

Fid-dawl ta’ dan il-każ, din il-gazzetta kienet bagħtet għadd ta’ mistoqsijiet lill-Pulizija għal diversi drabi. L-ILLUM kienet staqsiet f’liema stadju waslet l-investigazzjoni kif ukoll jekk il-Pulizija kinetx se tressaq lil xi persuna bl-akkużi ta’ tixħim.

Minkejja dan il-Pulizija qalet biss illi f'dak il-mument ma setgħetx tagħti aktar dettalji dwar il-każ inkwistjoni.

F’Jannar tal-2018, l-ILLUM kienet ippubblikat artiklu ieħor bit-titlu, ‘Skiet perfett fuq il-każ ta' match fixing ta' Tarxien’, hekk kif xhur wara l-awtoritajiet ikkonċernati baqgħu ma aġġornawx il-pubbliku fuq l-investigazzjoni.

L-aħħar darba li din il-gazzetta staqsiet fuq dan il-każ kien propju f’Diċembru 2018, dakinhar kelliem għall-Pulizija kien infurmana li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

Ftit qabel l-ewwel daqqa ballun  jgħidilhom li l-logħba hi ‘red flagged’

Minkejja li r-rapport tal-ILLUM kien ippubblikat fl-aħħar ta’ Diċembru, skont informazzjoni li għandna, xhur wara waqt logħba oħra ta’ Tarxien, dakinhar kontra Balzan, il-logħba kienet ġiet red-flagged u għalhekk f’riskju kbir ta’ tixħim.

Kien propju ftit mumenti qabel il-logħba meta t-tim ta’ uffiċjali inkarigati mil-logħba ġew informati li l-logħba tinsab red-flagged

Il-logħba inkiwsjtoni kienet sorpriża kbira hekk kif Tarxien kienu għelbu lil Balzan, dak iż-żmien fuq quddiem biex jirbħu l-league bl-iskor ta’ 3-1.

Aqra wkoll : L-MFA twaqqa’ l-każ tal-eks referì Malti mixli b’tixħim

                   Wieħed infaqa’ jibki u ammetta, l-ieħor beda jisħaq li hu kien irrifjuta li jinxtara 

                   Aktar minn €160,000 f'imħatri fuq il-partita Senglea u Balzan 

 

More in Politika