Il-PN: Jibqa’ b’saħħtu f’Ħal Balzan u Ħal Lija imma jitlef sew fir-Rabat u f’Ħaż-Żebbuġ (3)

L-ILLUM tkompli tagħti ħarsa lejn l-aħħar elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. X'ġara u x'jista' jiġri xahar ieħor?

Dan huwa r-raba’ artiklu minn sensiela sħiħa illi fihom din il-gazzetta qed tagħti ħarsa lejn ir-riżultati elettorali tal-aħħar tliet elezzjonijiet lokali, f’liema kuntest politiku seħħew, kienx hemm elezzjonijiet jew referendum mal-elezzjonijiet lokali jew kienx hemm ukoll kandidati indipendenti.

Din il-ġimgħa l-ILLUM qed tagħti ħarsa lejn dik li kienet, sa ftit żmien ilu biss, l-akbar lokalità ta’ Malta u l-irħula ta’ madwarha, tradizzjonalment kollha Nazzjonalisti, ir-Rabat u l-lokalitajiet ta’ madwarha li huma aktar Laburisti, Ħaż-Żebbuġ lokalità kbira b’maġġoranza Laburista u l-Imġarr lokalità tradizzjonalment Nazzjonalista.

Xi darba fortizza Nazzjonalista, illum qed tilgħab bejn il-PN u l-PL

Birkirkara, għal ħafna snin kien meqjus bħala ‘fortizza’ tal-PN, mhux biss għax kien iġib maġġoranzi komdi hawnhekk imma għax minn hawnhekk ħareġ u baqa’ jgħix Eddie Fenech Adami, ikona tal-aqwa żmien tal-Partit Nazzjonalista.

F’dan il-każ se nagħtu ħarsa lejn l-aħħar erba’ elezzjonijiet, minflok tlieta għaliex din tagħti stampa aħjar tal-waqa’ fil-popolarità tal-PN f’Birkirkara li finalment wasslet biex dan jitlef il-maġġoranza f’din it-tieni l-akbar lokalità f’Malta.

Fl-2003, meta l-poplu kien mitlub jivvota għal referendum u allura jekk Malta kellhiex issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, il-PN rebaħ dan il-Kunsill bil-kbir, b’total ta’ 7,720 vot. Il-Partit Laburista kien kiseb numru konsiderevoli ta’ 5,257 vot għalkemm xorta 2,463 vot ’il bogħod mill-Partit Nazzjonalista.

Din il-maġġoranza komda iżda, bħalma ġara fl-Imqabba u Ħal Safi, sparixxiet bil-mod il-mod hekk kif il-Laburisti ħarġu dejjem iktar jivvutaw u hekk kif il-bażi Laburista f’din il-lokalità żdiedet waħda sew.

Fl-2006 fil-fatt, tliet snin biss wara, l-PN rebaħ din il-lokalilità b’distakk miżerabbli ta’ 85 vot biss hekk kif kiseb 4,939 vot filwaqt li l-PL kiseb 4,854 vot. Dan jimmarka tnaqqis ta’ voti għaż-żewġ partiti hekk kif ħafna baqgħu d-dar. Il-PL naqqas 403 voti, filwaqt li l-PN naqqas il-voti tiegħu bil-qawwi; kważi 2,800 inqas.

Fl-2009, il-Karkariżi ntalbu jivvutaw mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, allura iż-żewġ partiti żiedu fil-voti għax aktar nies ħarġu jivvutaw. L-2009 fil-fatt ra lill-PN jissaħħaħ xi ftit, għalkemm assolutament xejn ħdejn l-2003. Il-PN kiseb 6,350 vot filwaqt li l-PL kiseb 6,141 vot, li jimmarka żieda ta’ 1,411-il vot għall-PN mill-2009 u 1,287 aktar għall-Partit Laburista.

Fl-2013 u allura meta l-Karkariżi ħarġu jivvutaw ukoll għall-elezzjoni ġenerali, minflok il-PN irkupra lura għall-2003 għax ħarġu aktar nies jivvutaw, żied b’rata inqas mill-Partit Laburista u tilef il-Kunsill b’127 vot.

Fil-fatt il-PL kiseb 7,783 vot filwaqt li l-PN kiseb 7,656 vot.

U x’se jiġri f’Mejju? B’kunsill li mar lejn naħa jew oħra b’għadd żgħir ħafna ta’ voti huwa diffiċli ħafna wieħed jgħid x’se jiġri. Tajjeb wieħed jieħu nota tal-fatt li r-rata ta’ żieda fil-voti Laburisti dejjem kienet ikbar.

F’Birkirkara, l-AD kisbet ammont ta’ voti pjuttost sinifikanti (2006 – 378, 2009 – 448). L-AD ma ħarġitx fl-2013, għalkemm mhux ċar mingħand min kienu jonqsu l-voti kieku ħarġet u mingħand min jieħdu jekk jerġgħu joħorġu f’Mejju.

Il-probabbilità li l-PN imur lura għall-2003 meta kellu maġġoranza komda Karkariża hija improbabbli ħafna, għalkemm jista’ jkun li t-tnaqqis fil-vot Laburista jkun ikbar minħabba li dik ta’ Mejju mhix elezzjoni ġenerali. Sfortunatament għall-PN jidher illi x-xejra hija li huma n-Nazzjonalisti l-aktar li jibqgħu d-dar f’elezzjonijiet lokali, jekk dan iseħħ f’Birkirkara, il-PL jidħol fiċ-ċans li jerġa’ jirbaħ il-lokalità ta’ Fenech Adami u Alfred Sant.

Raħal żgħir li mistenni jibqa’ fortizza Nazzjonalista

Ħal Balzan hija lokalità żgħira fejn il-PN dejjem kiseb maġġoranzi kbar, fil-fatt din il-lokalità tista’ titqies bħala fortizza Nazzjonalista.

S’issa, il-Balzanin vvutaw għal elezzjoni lokali u dik ġenerali darba biss, fl-2008. F’dik l-elezzjoni fil-fatt il-PN, b’2,073 vot, ġab l-aktar numru ta’ voti fl-aħħar snin. Il-Partit Laburista kiseb 584 vot biex kiseb biss 21% tal-vot hawnhekk.

Għal darba oħra n-Nazzjonalisti baqgħu d-dar f’rati ogħla meta fl-2012 l-elezzjoni lokali saret waħedha. Dakinhar il-PN kien naqqas 877 vot, li għal lokalità żgħira huwa numru pjuttost kbir. Il-PL kien naqqas madwar 90 vot. Dan it-tnaqqis fil-voti Nazzjonalisti fisser illi d-distakk naqas bin-nofs, minn 1,489 favur il-PN għal 701 favur il-PN.

Fl-2015 u allura mar-referendum tal-kaċċa l-PN reġa’ żied il-voti biex ġie qrib il-livelli tal-2008. B’1,835 vot il-PN kiseb 76%, bil-Labour jibqa’ statiku b’568 vot.

Hija kważi ċertezza li l-PN se jerġa’ jirbaħ din il-lokalità, għalkemm il-kobor tar-rebħa se jkun determinat bl-ammont ta’ votanti li fil-fatt joħorġu jivvutaw. Bil-Labour jibqa’ prattikament statiku iżda, hija possibilità remota li jirbaħ il-kunsill.

L-AD ukoll kienet ipparteċipat f’din il-lokalità fl-2008 meta ġabet 107 voti u fl-2012 meta naqqset il-voti għal total ta’ 71.

Maġġoranza komda Nazzjonalista li mistennija tibqa’

Ħal Lija huwa raħal żgħir ieħor li jmiss ma’ Ħal Balzan, huwa magħruf għan-nar tal-festa u fejn il-Partit Nazzjonalista wkoll għandu maġġoranza komda.

Fl-2006, meta l-poplu ta’ Ħal Lija ntalab jivvota għall-elezzjoni lokali biss, il-PN kiseb 828 vot filwaqt li l-PL kiseb 544 vot jew 37%. Id-distakk kien ta’ 284 b’kollox.

Fl-2009, meta saret ukoll l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista żied il-voti għal 1,203 voti biex żied id-distakk b’mod qawwi għal 603 voti. Il-PL ukoll żied numru ta’ voti, imma ż-żieda kienet pjuttost insinifikanti b’66 vot.

Fl-2013 imbagħad, meta r-residenti ta’ Ħal Lija ħarġu jivvutaw ukoll għall-elezzjoni ġenerali, il-PN reġa’ żied il-voti u b’1,339 allura kiseb l-aqwa riżultat mill-2006, b’żieda ta’ 136 mill-2009. Il-PL reġa’ żied ukoll 80 vot biex id-distakk reġa’ tela’ għal 656 vot.

U f’Mejju? Kważi ċertezza li jekk ix-xejriet tal-aħħar snin jibqgħu, il-PN iżomm din il-lokalità f’idejh għalkemm jara xi tnaqqis, kif jara l-PL ukoll, minħabba li dik ta’ Mejju mhux se taħbat ma’ elezzjoni ġenerali.

Fl-2006, l-AD ikkontestat u kisbet 77 vot, filwaqt li fl-2013 kandidat indipendenti kiseb 127 vot, li interessanti naraw fejn imorru kieku dan il-kandidat ma joħroġx.

Hawnhekk jaf ikollna wkoll l-AD mill-ġdid.

Maġġoranza Nazzjonalista, b’voti Laburisti li dejjem qed jiżdiedu

L-Iklin huwa s-subborg modern ta’ Birkirkara, Ħal Lija u Ħal Balzan, bħalma s-Swieqi huwa s-subborg modern ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan.

Bħas-Swieqi, l-Iklin hija lokalità fejn il-Partit Nazzjonalista s’issa dejjem kellu maġġoranzi, anke jekk il-kumdità ta’ dawk il-maġġoranzi naqset maż-żmien.

Fl-2008 u allura fl-unika darba minn dawn l-aħħar tliet elezzjonijiet li l-elezzjoni lokali saret ma’ waħda ġenerali, il-PN kiseb l-aħjar riżultat b’distakk ta’ 437 favurih u total ta’ 1,234 vot (57%). Il-Partit Laburista kiseb 797 vot (37%) u l-AD 98 vot.

Fl-2012 meta l-elezzjoni lokali saret waħedha, għal darb’oħra ħafna Nazzjonalisti għażlu li jibqgħu d-dar bil-konsegwenza li l-PN naqqas 300 vot. Il-PL min-naħa l-oħra naqqas 30 vot biss. Id-distakk kien biss ta’ 169 vot.

Fl-2015 u allura mar-referendum dwar il-kaċċa kien hemm ċaqlieqa ’l fuq għaż-żewġ partiti, bil-PN jikseb 1,170 (+235 vot) u l-PL jikseb 905 (+139 vot) biex kiseb l-aqwa riżultat f’dawn it-tliet elezzjonijiet.

Minkejja li l-PN dejjem ġab maġġoranzi, fl-aħħar elezzjoni l-PL ġab riżultat tajjeb ħafna. Minkejja dan, kollox se jiddependi fuq x’se tagħmel il-bażi ta’ votanti Nazzjonalisti f’din il-lokalità.

Huwa ċar, kif inhi x-xejra f’kull lokalità f’Malta, li l-vot Nazzjonalist jilgħab ħafna filwaqt li dak Laburist jew baqa’ fejn kien jew saħansitra żdied.

Il-probabbilità hija li l-PN jaqbeż l-agħar riżultat tal-2012 (935) hekk kif din hija elezzjoni nazzjonali, però l-PN se jkollu jaċċerta li jaqbeż l-1,000 vot hawn jekk irid iżomm distakk komdu mill-PL.

Ir-Rabat: il-partiti jibdew ras imb ras iżda l-PL jitlaq jiġri l quddiem

Sal-elezzjoni lokali tal-2006, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista kienu ras imb ras fil-lokalità tar-Rabat, li tiġbor fiha żoni oħra fosthom il-Baħrija.

Madanakollu, fl-elezzjonijiet lokali li ġew wara, jiġifieri dawk tal-2009 u tal-2013, anke jekk iż-żewġ partiti dejjem żiedu l-voti, il-Partit Laburista ġera ’l quddiem biex sal-aħħar elezzjoni lokali d-distakk kien ta’ madwar 1,000 vot.

Fl-elezzjoni lokali tal-2006, jiġifieri sentejn wara li l-Partit Laburista rebaħ b’distakk qawwi l-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew u sentejn qabel ma l-Partit Nazzjonalista rebaħ elezzjoni ġenerali bi żbrixx, il-Partit Laburista rebaħ il-kunsill Rabti bi 3,481 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 3,208 voti. Dan ifisser li sal-2006, id-distakk bejn iż-żewġ partiti kien dak ta’ 273 vot.

L-elezzjoni lokali li kien imiss seħħet fl-2009, fl-istess jum li fih kien hemm l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. F’din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista żied biss 63 vot, filwaqt li l-Partit Laburista żied 721, biex rebaħ il-Kunsill Lokali b’distakk ta’ 931 vot.

Il-kunsill preżenti ġie elett fl-2013, fl-istess jum tal-elezzjoni ġenerali li rebaħ b’distakk kbir il-Partit Laburista. Għalkemm huwa ċar li aktar Rabtin ħarġu jivvutaw tant li ż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, id-distakk baqa’ kważi kważi l-istess, biex il-Partit Laburista żamm il-Kunsill f’idejh wara li ġab 988 vot aktar mill-Partit Nazzjonalista.

B’kollox, f’din l-elezzjoni, il-Partit Laburista kiseb 4,761 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 3,773 vot.

Għalkemm din is-sena x’aktarx li inqas nies joħorġu jivvutaw, bit-turnout x’aktarx li jkun simili għal dak tal-2009, il-Partit Laburista jidher li kiseb appoġġ qawwi f’din il-lokalità li diffiċli jingħeleb fl-elezzjoni tax-xahar id-dieħel.

Ħaż-Żebbuġ: il-PL fuq quddiem iżda d-distakk ivarja skont l-elezzjonijiet

F’Ħaż-Żebbuġ, il-Partit Laburista jgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza madanakollu d-distakk bejn il-partiti fl-elezzjoni lokali varja ħafna fl-aħħar tliet elezzjonijiet lokali.

Fl-2008, meta l-elezzjoni lokali saret mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista, ħarġu jivvutaw 92.1% taż-Żebbuġin. Id-distakk bejn il-partiti kien dak ta’ 604 voti, fejn il-Partit Laburista kiseb 4,302 voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 3,698 vot.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2012 u dik is-sena ma kien hemm l-ebda elezzjoni oħra, tant li ħarġu jivvutaw 64% biss taż-Żebbuġin.

Minkejja l-fatt li ż-żewġ partiti l-kbar naqsu fil-voti tagħhom, id-distakk bejniethom sploda ’l fuq biex laħħaq l-1,456 vot. Dik is-sena, il-Partit Laburista naqqas 765 vot biex kiseb 3,537 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas 1,617-il vot biex kiseb 2,081 vot.

Dik is-sena, żewġ kandidati indipendenti kienu kisbu 69 u 154 vot rispettivament.

L-aħħar elezzjoni lokali fil-Belt Rohan saret fl-2015, dakinhar li seħħ ukoll ir-referendum dwar il-kaċċa. Fil-fatt, aktar Żebbuġin ħarġu jivvutaw u ż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom.

Dik is-sena, il-Partit Laburista żied 405 voti u kiseb 3,942 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied 864 vot biex kiseb 2,945 vot. Dan ifisser li d-distakk, għalkemm jibqa’ konsiderevoli, reġa’ naqas għal 997 vot. F’din l-elezzjoni, kandidat tal-Alternattiva Demokratika kiseb 218-il vot.

X’se jiġri din is-sena ħadd ma jista’ jgħid. Madanakollu, jekk in-Nazzjonalisti Żebbuġin ma jibqgħux ġewwa kif għamlu fl-2012, il-probabbilità hija li l-Partit Laburista jżomm il-kunsill, iżda d-distakk ma jkunx qawwi daqskemm kien fl-2012.

Ħad-Dingli: lokalità Laburista u l-PN bilkemm jiċċaqlaq

Ħad-Dingli hija waħda minn dawk il-lokalitajiet li tista’ tissejjaħ Laburista. Fl-aħħar tliet elezzjonijiet lokali, il-Partit Laburista baqa’ dejjem iżid fl-appoġġ, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas il-votanti tiegħu.

Fl-elezzjoni lokali tal-2008, li saret mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista, il-kandidati Laburisti f’dan ir-raħal ċkejken kisbu 1,541 vot filwaqt li dawk tal-Partit Nazzjonalista kisbu 835 vot, biex id-distakk kien dak ta’ 706 voti.

L-elezzjoni li kien imiss saret fl-2012, meta saru l-elezzjonijiet lokali biss. F’din is-sena, il-votanti Nazzjonalisti Dinglin jidhru li għamlu bħal dawk Żebbuġin fl-istess sena u għażlu li jibqgħu d-dar.

Fil-fatt, il-Partit Laburista żied il-voti u kiseb 1,644 vot jew inkella 76% tal-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti u kiseb biss 532 vot jew 24% tal-voti.

Il-kaċċa għal ħafna Dinglin hija importanti u fl-elezzjoni lokali tal-2015 ħarġu jivvutaw 87% tal-votanti residenti. Fil-fatt, iż-żewġ partiti reġgħu żiedu l-voti. Il-Partit Laburista kiseb 1,734 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 810 voti.

Din is-sena, ġaladarba l-elezzjoni lokali se ssir ma’ dik tal-Parlament Ewropew, x’aktarx li l-votanti Nazzjonalisti mhux se jibqgħu d-dar kif għamlu fl-2012 u se joħorġu jivvutaw kif għamlu fl-2008 u fl-2015.

Madanakollu, meta tqis li fl-aħħar tliet elezzjonijiet lokali l-Partit Laburista żied il-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas l-appoġġ, wieħed jista’ jikkonkludi li fil-25 ta’ Mejju, l-istampa ftit li xejn se tinbidel.

L-Imġarr: lokalità Nazzjonalista iżda d-distakk qed jonqos

Fl-Imġarr, il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien b’saħħtu iżda minkejja l-fatt li fl-aħħar tliet elezzjonijet lokali żied fil-voti, id-distakk baqa’ jonqos.

Fil-fatt, id-distakk bejn iż-żewġ partiti l-kbar naqas minn 825 fl-2003 (fis-sena tar-referendum tal-Unjoni Ewropea), għal 502 voti fl-2013 (meta rebaħ l-elezzjoni l-Partit Laburista).

Fl-elezzjoni lokali tal-2006, il-Partit Nazzjonalista rebaħ dan ir-raħal b’1,043 vot filwaqt li l-Partit Laburista ġab biss 406 voti, biex id-distakk kien dak ta’ 640 vot. Kandidat indipendenti kien kiseb 77 vot.

L-elezzjoni lokali li jmiss saret ma’ dik tal-Parlament Ewropew fl-2009, fejn il-Partit Nazzjonalista reġa’ żied il-voti u kiseb 1,164 vot. Il-Partit Laburista żied ukoll il-voti u kiseb 649 vot, biex id-distakk niżel għal 515-il vot. L-istess kandidat indipendenti li kkontesta fl-2006 wkoll żied il-voti u kiseb 103 voti.

L-aħħar elezzjoni lokali saret mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista fl-2013. Aktar Imġarrin ħarġu jivvutaw u ż-żewġ partiti reġgħu żiedu l-voti biex il-Partit Nazzjonalista kiseb 1,377 vot u l-Partit Nazzjonalista 875 vot. Għalhekk, għalkemm bi ftit, id-distakk bejn il-partiti reġa’ naqas għal 502 voti. Fl-istess sena, kandidat indipendenti rnexxielu jikseb 224 vot.

Għal kuntrarju ta’ dak li seħħ fl-aħħar snin, x’aktarx li din is-sena, iż-żewġ partiti se jnaqqsu fil-voti tagħhom ġaladarba l-elezzjoni lokali mhux se ssir ma’ elezzjoni ġenerali.

Għalkemm id-distakk jibqa’ jiffavorixxi l-Partit Nazzjonalista, diffiċli taqbad u taqta’ linja. Iż-żewġ partiti żiedu fil-voti u d-distakk mhuwiex xi wieħed sostanzjali. Hemm ukoll il-224 vot li kiseb il-kandidat indipendenti li fl-aħħar fl-elezzjoni lokali. Għalhekk għall-Imġarr, l-elezzjoni tax-xahar id-dieħel tibqa’ kaxxa magħluqa.

L-Imtarfa: ħames voti biss bejn iż-żewġ partiti             

Xi drabi, ir-riżultati fl-elezzjonijiet lokali, ma jkunux jirriflettu biss dak li jkun għaddej fuq skala nazzjonali, iżda kwistjonijiet lokali jaffettwaw ukoll.

Hekk ġara fl-Imtarfa. Mill-2007 ’l hawn, il-kunsill għadda minn idejn il-Partit Laburista għal idejn il-Partit Nazzjonalista biex għal ħames voti biss reġa’ rebħu l-Partit Laburista.

Fl-2007, il-Partit Laburista rebaħ dan il-kunsill wara li l-kandidati tiegħu rebħu 626 vot filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 370 vot.

Iżda dan il-kunsill ma tantx kellu ħajja twila. Wara kwistjoni interna, dan il-kunsill kien ġie xolt u sena biss qabel jintemm it-terminu tiegħu kellha ssir elezzjoni biex jiġi elett kunsill ieħor.

Fil-fatt, din l-elezzjoni lokali għall-kunsill tal-Imtarfa saret waħedha fl-2008 u l-kunsill kien intrebaħ mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 468 vot filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 410 voti. Dan ifisser distakk ta’ 58 vot bejn il-partiti. Fl-istess sena, il-kandidat indipendenti li kkontesta f’isem ‘Għal Imtarfa Aħjar,’ kiseb 97 vot.

Is-sena ta’ wara, jiġifieri mal-elezzjonijiet Ewropej tal-2009, ir-residenti tal-Imtarfa kellhom jerġgħu jivvutaw għall-kunsill lokali. Forsi għax aktar nies ħarġu jivvutaw, iż-żewġ partiti żiedu l-voti, iżda d-distakk baqa’ l-istess u l-Partit Nazzjonalista li kiseb 735 vot żamm f’idu l-kunsill. Dik is-sena, il-Partit Laburista kiseb 677 vot, filwaqt li l-kandidat indipendenti kiseb 42 vot.

L-aħħar elezzjoni lokali saret fl-2013 mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista. Kif wieħed jistenna, ġaladarba aktar nies ħarġu jivvutaw, iż-żewġ partiti fl-Imtarfa żiedu fil-voti tagħhom u spiċċaw ras imb ras.

Il-Partit Laburista (li kiseb 865 vot) reġa’ rebaħ il-maġġoranza b’distakk ta’ ħames voti biss. Din is-sena ma kkontesta l-ebda kandidat indipendenti u dan jista’ jkun li ħalla l-effett tiegħu wkoll.

Jekk f’kull lokalità l-elezzjoni hija kaxxa magħluqa, b’distakk ta’ ħames voti biss, għall-Imtarfa hija ħafna aktar. Jiddependi kemm se joħorġu jivvutaw residenti f’Mejju li ġej.

More in Politika