Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

L-AD tgħid lil Farrugia Sacco biex iqum mir-raqda u jipproteġi l-kosta

'In-negozju issa jrid jaħtaf il-baħar, mal-kosta ukoll. Sortunatament ma teżistix rieda politika biex tkun imħarsa l-kosta' - Carmel Cacopardo

Albert Gauci Cunningham / 13 t'April 2019 15:40
'In-negozju issa jrid jaħtaf il-baħar, mal-kosta ukoll. Sortunatament ma teżistix rieda politika biex tkun imħarsa l-kosta.' Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika waqt konferenza stampa mal-kosta ta’ San Ġiljan.

Kważi tliet snin ilu bi qbil unanimu l-Parlament approva emendi għall-Kodiċi Ċivili li permezz tagħhom, skont l-AD, "ried jagħti l-impressjoni li kien qed isaħħaħ il-ħarsien tal-kosta.

"Il-ħarsien tal-kosta tfisser ferm iktar minn tindifa u ġbir ta’ skart mormi. Fil-kuntest Malti l-ħarsien tal-kosta għandha tfisser il-ħtieġa li jitrażżan l-iżvilupp li hu l-ikbar theddida għall-kosta,"

L-istqarrija kompliet tgħid li d-dikjarazzjonijiet li saru fil-Parlament favur il-ħarsien tal-kosta xejn ma jaqblu ma l-iżvilupp li qed iseħħ bħalissa mal-kosta ta’ San Ġiljan fejn l-iżvilupp baqa’ ħiereġ sax-xifer tal-kosta. "Mhux biss, talli fis-sulari ta’ fuq ser jibqa’ ħiereġ fuq il-baħar ukoll u dan skond il-pjanti approvati."

Cacopardo kompla jgħid li minkejja l-liġi li ssaħħaħ u taġġorna l-qafas regolatorju għall-governanza tad-dominju pubbliku, wara tliet snin, is-sitwazzjoni qed tmur mill-ħażin għall-agħar.

"Talbiet li saru mill-għaqdiet ambjentali biex immedjatament jibda l-proċess ta’ implimentazzjoni tqegħdu fil-ġenb għax ma hemm l-ebda rieda politika li l-affarijiet jiċċaqalqu.  L-għaqdiet ambjentali ilhom sa minn Ġunju 2016 li issottomettew id-dokumentazzjoni meħtieġa dwar 23 sit mal-kosta kollha ta’ Malta u Għawdex biex dawn ikunu protetti. L-Awtorità tal-Ippjanar ilha minn dakinnhar tkaxkar saqajha, attenta li ma tmurx tippreġudika l-interessi tal-iżviluppaturi li ilha sservi bi skruplu kbir."

"Il-kosta għandna nħarsuha u għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Anke fejn hi propjetà privata," sostna Cacopardo. 

Huwa qal li l-Awtorità tal-Ippjanar naqset minn dmirha li tħares il-kosta meta diġa approvat tliet permessi ta’ żvilupp fuq dan is-sit u qed tikkunsidra l-approvazzjoni tar-raba’ applikazzjoni. "Meta tara r-rapporti li ġew imħejjija mid-Direttorat tal-Ippjanar dwar dan l-iżvilupp issib li imkien ma hemm imsemmija l-inqas konsiderazzjoni għall-ħarsien u l-aċċess għall-kosta. Għax anke l-kosta hi tagħna lkoll."

"Wara li n-negozju tħalla jikkapparra bosta bankini u spazji għall-parkeġġ," qal Cacopardo, "biex ikkonvertewhom f’estensjoni tan-negozju tagħhom, issa jmiss mhux biss li jieħdu l-kosta, imma jridu jaħtfu l-baħar ukoll."

Huwa stieden lill-Imħallef irtirat Lino Farrugia Sacco biex "iqum ftit mir-raqda" u jassigura ruħu li l-Awtorità tal-Artijiet, li tagħha hu Chairman, tistenbaħ u tagħmel dmirha.

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook