Qtil Ħal Għaxaq | Qata' d-dawl tad-dar biex joqtol lil ommu u lil oħtu malli jiċċekjaw x'ġara

Tibda tinstema' l-kumpilazzjoni ta' evidenza fil-konfront tar-raġel li qed ikun akkużat bil-qtil doppju ta' ommu u ta' oħtu f'Ħal Għaxaq

Dalgħodu bdiet tinstema' l-kumpilazzjoni ta' evidenza fil-konfront tar-raġel li qed ikun akkużat bil-qtil doppju ta' ommu u ta' oħtu f'Ħal Għaxaq.

Ir-raġel, li għandu 38 qed ikun akkużat bl-omiċidju volontarju ta' ommu, Marija Lourdes Bonnici u anke ta' oħtu Angele Bonnici.

Qed ikun akkużat ukoll li ħeba l-iġsma tal-vittmi, li għamel rapport falz lill-pulizija, li pprova jaħbi evidenza u li ħadem u għamel użu minn arma tan-nar mingħajr liċenzja.

L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Dawn huma wħud mill-punti ewlenin li ħarġu mix-xhieda mogħtija mil-lum:

  • L-allegat qattiel ħadem hu stess l-arma tan-nar li biha qatel lil ommu u lil oħtu biha.
  • L-akkużat qata' d-dawl biex meta ommu u oħtu jinżlu jaraw x'ġara joqtolhom
  • Wara li qatilhom mar lura d-dar biex jorqod
  • Meta kien ċert li s-sieħba tiegħu raqdet, mar iġorr il-katavri sal-għalqa fejn difinhom
  • L-akkużat jgħid lill-Pulizija li ommu u oħtu kienu qed jippjanaw xi ħaġa kontrih
  • Meta rrapurtahom nieqsa qal li x'aktarx ħarbu minħabba t-€80,000 li kellhom jagħtu lill-eredi tal-vittmi li kien qatel missieru
  • Ħabiba ta' Angele tgħid li l-akkużat kien abbuża sesswalment lil oħtu
  • Is-sieħba tal-akkużat kienet għamlet suwiċidju fl-istess residenza
  • Is-sieħba tal-akkużat tgħid li qatt ma kien vjolenti magħha jew gerger kontra ommu u oħtu

Kif seħħ l-allegat każ?

L-Ispettur Arnaud għadda biex jispjega kif l-akkużat, li issa qed iwieġeb mhux ħati, kien qal lill-Pulizija kif qata' d-dawl tad-dar biex malli oħtu tmur tiċċekja x'ġara, jisparalha.

Kompla jispjega kif malli oħtu marret tiċċekja d-dawl, l-akkużat ħadha fil-ġnien, fil-post apposta li kien ipprepara biex joqtol lilha u lil ommha. Hu, allegatament mexa warajha u malli waslet fil-bieb tal-ġnien sparalha f'rasha.

L-akkużat, biex ikun ċert li mietet, taha daqqa ta' mazza f'rasha.

Wara kien imiss lil ommu. Malli din waslet fl-istess post, għamel l-istess.

X'ġara wara?

Arnaud għadda biex jispjega kif skont dak li kien qal l-akkużat waqt l-interrogazzjoni, huwa libbes lil ommu u lil oħtu baskett tal-plastik f'rashom u rabathom b'ċinga biex ikun jista' jrembilhom u jidfinhom.

Wara li qatilhom u lesta l-iġsma, l-akkużat mar id-dar biex jorqod għax kienet waslet biex tasal it-tfajla tiegħu, saħaq l-Ispettur.

L-Ispettur John Spiteri, aktar tard, saħaq li l-akkużat u t-tfajla tiegħu raqdu fi kmamar separati u meta kien ċert li s-sisħba kienet rieqda reġa' mar lura fuq il-post tad-delitt, għabba l-iġsma fuq karretta (li ħadem hu wkoll) u mar fl-għalqa biex jidfinhom.

Minkejja li l-akkużat kellu diversi armi, huwa ħadem b'idejh l-arma tan-nar li biha allegatament wettaq id-delitt. Skont l-Ispettur, l-akkużat qal li ma użax waħda mill-armi li kellu rreġistrati fuq ismu għax kollha kienu jagħmlu ħafna storbju.

X'seħħ l-għada?

Skont il-Prosekuzzjoni, l-għada tad-delitt, l-akkużat xtara 'power washer,' biex seta' jnaddaf il-ġnien u anke ħaraq mhux biss il-boroż iżda anke l-karretta li biha, allegatament ġarr il-katavri u l-arma tan-nar u l-mazza li bihom wettaq l-allegat delitt. 

Arnaud kompla jispjega kif l-akkużat l-ewwel difen lil ommu u mbagħad tefa' lil oħtu fuqha u allegatament għattihom b'ammont kbir ta' ġir bil-għan li tonqos ir-riħa.

L-Ispettur jagħti aktar dettalji tal-istat li fih instabu l-iġsma

L-Ispettur Arnaud kompla jispjega l-istat li fih instabu l-iġsma.

Spjega kif oħt l-akkużat kellha żewġ tiri f'rasha, fosthom f'għajnejha. Wiċċha kellu feriti gravi minħabba d-daqqa ta' mazza.

L-omm, intlaqtet b'tiri min-naħa tax-xellug ta' rasha.

Iż-żewġ vittmi, skont l-ispettur, instabu midfuna b'saqajhom mgħawġa.

Għalfejn qatilhom?

L-Ispettur saħaq li meta mistoqsi dwar il-motiv li wasslu biex qatel kemm lil ommu u anke lil oħtu, l-akkużat wieġeb li kien ilu ħafna rrabjat għalihom.

Aktar tard huwa stqarr ukoll li kien sema' lil ommu u oħtu jippjanaw xi ħaġa.

Skont l-Ispettur, l-akkużat kien saħaq li oħtu "kienet qed tipprova tirrappurtah dwar abbuż u titfgħu l-ħabs."

Kien qal lill-Pulizija wkoll li ommu kienet qed tinsinwa xi affarijiet.

Madanakollu, l-Ispettur ikkonferma li ħadd mill-vittmi qatt ma rrapporta abbuż u lanqas qatt ma għamlu kuntatt ma' xi ħaddiema soċjali.

L-akkużat kien qal lill-pulizija li ommu u oħtu x'aktarx ħarbu mill-pajjiż

Kompla jixhed l-Ispettur John Spiteri li spjega kif fit-28 ta' Marzu rċieva telefonata biex jinfurmawh li ċertu Paul Bonnici, ir-raġel u l-missier tal-vittmi u li qed jiskonta sentenza ta' ħabs fuq każ ta' qtil, xtaq ikellmu.

Bonnici kien inkwetat dwar il-fatt li l-mara tiegħu kienet tkellmu kuljum fl-istess ħin u li qatt ma naqset milli tagħmel dan mingħajr ma tinfurmah.

Huwa informa lill-Qorti li r-raġel u l-mara tiegħu (il-vittma) għandhom iħallsu €80,000 f'danni lill-eredi tal-vittmi tal-omiċidju li kien wettaq Paul Bonnici.

Bonnici qed jiskonta sentenza ħabs ta' 30 sena wara li kien qatel żewġ ġirien minħabba kwistjoni li kellhom.

Kien dan li wassal lill-akkużat biex għal bidu jisħaq mal-Pulizija li ommu u oħtu x'aktarx kienu ħarbu biex ma jħallsux it-€80,000 u jispiċċa jġorr il-problema waħdu.

Il-Pulizija ma emmnux din il-verżjoni minħabba l-fatt li fil-kamra ta' oħtu sabu diversi oġġetti fosthom anke tagħmir elettroniku u fil-kamra ta' ommu kien hemm il-baskett li normalment kienet tuża u anke l-mowbajl tagħha.

Ritratt | Mill-Arkivji
Ritratt | Mill-Arkivji

Ġurnata wara l-omiċidju, l-akkużat ċempel diversi drabi lil oħtu

Wara li ħareġ l-avviż li ż-żewġ persuni kienu nieqsa, il-Pulizija tkellmet ma' diversi persuni.

Fost dawn, l-impjegatur ta' Angele qal lill-Pulizija li l-akkużat kien mar ix-xogħol tagħha biex jistaqsi jekk kinitx hemm u telaq minnufih malli qallu li dakinhar ma kinitx daħlet għax-xogħol.

L-akkużat, l-għada tal-omiċidju, ċempel diversi drabi lil oħtu fuq il-mowbajl tagħha. 

Skont l-Ispettur, dawn kollha kienu tentattivi tal-akkużat biex jipprova jgħatti l-fatt li hu kien il-qattiel

Ħabiba ta' Angele tgħid lill-Ispettur li l-akkużat kien jabbużaha

L-Ispettur Spiteri kompla jgħid li kien infurmat b'mod kunfidenzjali, mingħand ħabiba ta' Angele, li l-akkużat kien jabbuża sesswalment minn oħtu.

Qal li meta staqsa lill-akkużat dwar dan, huwa wieġeb li oħtu kienet ivvintat din l-istorja bil-għan li theddu biha u jixtrilha BMW.

It-tfajla tal-akkużat kienet wettqet suwiċidju fl-istess residenza

L-Ispettur John Spiteri, qabel temm ix-xhieda tiegħu, saħaq li meta staqsa lill-akkużat x'wassal biex joqtol lil ommu lil oħtu, qallu li lura fl-2009, it-tfajla tiegħu kienet għamlet suwiċidju fl-istess residenza.

Huwa qal li kienet ħalliet nota u fiha kitbitlu li issa ommu tista' tistrih u dan għax skont l-akkużat, ma kinitx kuntenta li t-tnejn li huma qed joħorġu flimkien.

Dakinhar tal-arrest, l-akkużat allegatament qal lill-ispettur: 'X'ħerba għamilt!'

Tixhed is-sieħba tal-akkużat...kien taf li l-akkużat kien allegatament abbuża minn oħtu

Xehdet ukoll is-sieħba tal-akkużat li fil-Qorti qalet li meta kienu għadhom ma nstabux l-iġsma, l-akkużat ma kellux kwiet u ma kienx waqaf jippassiġġa d-dar jistenna li jisma' xi ħaġa dwarhom jew mingħandhom.

Mistoqsija dwar l-allegazzjonijiet li kien jabbuża minn oħtu, is-sieħba tal-akkużat qalet li kienet Angele stess li kienet qaltilha li meta kienu għadhom żgħar, l-akkużat kien missa u li ommha kienet taf dwar dan.

Wieġbet li kienet taf ukoll li sieħba tal-akkużat kienet wettqet suwiċidju.

'Qatt ma kien vjolenti miegħi, lanqas mal-annimali tagħna...'

Is-sieħba tal-akkużat għaddiet biex titkellem dwar ir-relazzjoni tagħhom u waqt li l-allegat qattiel infaqa' jibki fl-iżbarra, hija qalet hekk:

"Huwa l-aqwa persuna li naf. Dejjem imbuttani biex nirnexxi. Salvani minn relazzjoni abbużiva. Dejjem rajt rispett u mħabba mingħandu. Qatt ma kien vjolenti, lanqas mal-annimali tagħna," kompliet tirrakkonta.

L-Ispettur Arnaud reġa' staqsiha jekk qattx kien hemm xi inċidenti vjolenti li rat hi b'għajnejha jew li l-akkużat qalilha dwarhom.

Madanakollu hi wieġbet fin-negattiv u insistiet li qatt ma semgħetu jgħid xi ħaġa kontra ommu jew oħtu.

Kameras tas-sigurtà jiefqu jaħdmu f'salt

Komplew jixhdu aktar uffiċjali tal-Pulizija, fosthom kuntistabbli tal-Pulizija li spjega kif l-akkużat kien qalilhom li oħtu ma kinitx irritornat mix-xogħol u li kien missieru li qallu biex jirrappurta li kienu neqsin.

Madanakollu, filmati mill-kameras tas-sigurtà kienu juru kemm lil Maria Lourdes u anke lil Angele fid-dar qabel il-filmat jieqaf ħesrem (x'aktarx fil-mument li l-akkużat qata' d-dawl."

Il-kumpilazzjoni se tkompli fil-15 ta' April.

More in Politika