‘Mhux kull binja relatata mal-Knisja hi tal-Knisja’

Hi idea popolari li l-Knisja hija s-sidt ħafna proprjetà. Imma x’qed tagħmel biha? Qed tbigħha jew qed tużaha għal fini soċjali? Roberto Buontempo, l-għażla tal-Arċisqof għal Amministratur tal-Proprjetà tal-Knisja, jitkellem mal-ILLUM

Din il-ġimgħa, f’appuntament ġewwa l-bini storiku tal-Kurja tal-Furjana, l-ILLUM tkellmet ma’ Roberto Buontempo. Dan huwa l-bniedem li l-Arċisqof Charles J Scicluna għażel sabiex ikun l-amministratur ġdid tal-proprjetà tal-Knisja.

Ma’ Buontempo, li fil-passat okkupa diversi karigi maniġerjali fis-settur privat, tkellimna fuq diversi temi fosthom: ix-xogħol tal-uffiċċju tiegħu, l-andament tal-proprjetà f’Malta u l-legat tal-Arċisqof.

Ħafna xogħol b’lura minħabba l-ftehim ta’ 26 sena ilu

Fil-bidu tal-intervista staqsejt lil Buontempo biex jispjega eżattament x’inhi l-funzjoni ta’ dan l-uffiċċju. Huwa qal li x-xogħol tiegħu jinqasam fuq diversi binarji li jinkludu: ir-riċerka, l-analiżi u l-attenzjoni fuq numru ta’ każijiet pendenti fuq proprjetà tal-Knisja. Iżda mhux hekk biss għax kif dan jinkludi wkoll il-protezzjoni tal-proprjetà tal-Knisja.

“Għandna volum enormi ta’ xogħol b’lura relatat mal-ftehim li l-Gvern u l-Knisja kienu għamlu fl-1993.”

Fi ftit kliem, dakinhar, iż-żewġ partijiet kienu qablu li l-proprjetà tal-Knisja tgħaddi f’idejn il-Gvern. Hu mifhum li sa dak iż-żmien 25% tal-proprjetà f’Malta kienet tal-Knisja.

Iżda lil hinn minn hekk huwa spjega kif bl-għajnuna tal-kollegi tiegħu, l-uffiċċju jagħmilha wkoll ta’ difensur kontra dak l-iżvilupp li possibbilment ikun se jeqred proprjetà tal-Knisja.

“Reċentement jiena, flimkien mal-kollega Michael Pace Ross morna noġġezzjonaw għal żvilupp li se jseħħ fil-Mosta li kien se jispiċċa jgħatti lil din kappella. Bis-saħħa ta’ din l-oġġezzjoni, il-pjan tal-iżvilupp ġie rivedut u almenu se jsir aktar ’il ġewwa,” spjega Buontempo.

Apparti minn dan huwa stqarr li parti oħra mill-portafoll tiegħu tinkludi r-riabilitazzjoni u r-restawr ta’ proprjetà tal-Knisja.

“Dan huwa xogħol li forsi ħafna nies ma jkunux jafu bih. Eżempju s-Siġġiewi bħalissa hemm kappella li hi maħbuba minn ħafna nies tal-lokal u li qiegħda fi stat diżastruż. Aħna flimkien mal-Kunsill Lokali u l-partijiet interessati kollha qegħdin naħdmu sabiex din tiġi salvata,” spjega Buontempo.

Michael Pace Ross, Ray Bonnici u Roberto Buontempo
Michael Pace Ross, Ray Bonnici u Roberto Buontempo

‘Ma jfissirx li kull binja relatata mal-knisja hi tal-Knisja’

Qlibna daqsxejn is-suġġett u tkellimna fuq diversi kwistjonijiet li fil-passat qamu u kienu jinkludu l-knisja u l-bini tagħha. Fosthom insibu l-każ tal-Karmelitani, meta dakinhar kien ġie rrapportat li kienet saret applikazzjoni għall-iżvilupp ta' supermarket fil-ġnien tal-kunvent tal-Balluta.

Hawnhekk Buontempo kien pront biex jisħaq illi, “ma jfissirx li kull knisja jew binja li tintuża mir-reliġjon tagħna hi tal-Knisja. Hemm ħafna entitajiet, bħad-Dar tal-Providenza, li huma amministrati mill-Arċidjoċesi però huma finalment separati. Apparti li hemm binjiet li għalkemm huma tal-Knisja dawk ikunu taħt ċens u għalhekk il-Kurja mhux dejjem ikollha dritt tikkmanda xi jsir minn dik l-art.”

Hawnhekk, għamel referenza ċara għal każ partikolari li fil-passat ħoloq għagħa fil-pajjiż. “Għalkemm dik l-art hi finalment tal-Knisja dik kienet b’ċens għand il-Karmelitani.”

Buontempo spjega li kieku ma kienx hemm imniżżel ċar u tond fiċ-ċens li din l-art tista’ tintuża biss għall-iskopijiet pastorali, l-iżvilupp kien iseħħ.

“L-Arċisqof irnexxielu jwaqqaf dak l-iżvilupp għaliex fil-kuntratt taċ-ċens kien hemm miktub li din l-art tista’ tintuża biss għal affarijiet pastorali. Kieku ma kienx hemm dan kienu jkunu jistgħu jibnu,” sostna Buontempo.

Żied jgħid li xi drabi, għalkemm l-Arċisqof ikun kontra żvilupp li jinkludi xi art li tintuża għal skopijiet reliġjużi, il-kuntratt taċ-ċens jillimita lill-Isqof fl-azzjonijiet tiegħu. “L-Isqof hu persuna li jħobb l-ambjent u l-kultura u verament hu kontra żvilupp li jkun se jgħarraq l-ambjent.”

L-Isqof għandu jitkellem fuq kwistjonijiet soċjopolitiċi?

Dan l-Arċisqof sikwit ikun ikkritikat minħabba l-interventi tiegħu fuq kwistjonijiet jaħarqu fil-pajjiż. Buontempo x’jaħseb fuq il-fatt li Scicluna huwa pjuttost voċiferu fuq kwistjonijiet soċjopolitiċi?

“Il-Knisja hi fid-dover, li titkellem b’mod ġust. L-interventi tiegħu huma bħala ragħaj pastorali u jekk ma jitkellimx hu ma jitkellem ħadd.”

Żied jgħid li, “Ġesù Kristu kien jitkellem fuq il-kwistjonijiet ta’ dak iż-żmien u kien meqjus revoluzzjonarju. Apparti minn dan però mhux talli qiegħed jitkellem, iżda talli qiegħed jattwa dak li jgħid.”

Buontempo kompla jgħid kif mingħajr ebda daqq ta’ trombi l-Isqof qed jieħu deċiżjonijiet sabiex dawk l-affarijiet li jħambaq fuqhom jiġu attwati.

“L-isqof qed jaqbad artijiet f’żoni li kieku wieħed ibigħhom iġib kemxa flus tajba, iżda minflok jirriabiltahom u jagħmilhom għall-użu tal-komunità, eżempju bħala postijiet ta’ kultura.”

Mal-ILLUM huwa kompla jgħid kif intlaħaq ftehim biex villa f’pożizzjoni prominenti f’Tas-Sliema, se tibda tintuża għall-ġid tal-komunità. Iżda mhux hekk biss hu żvela kif anke xi artijiet li huma mmarkati għall-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni soċjali huma artijiet tal-Knisja. 

“Dawn huma artijiet li għaddew għand il-Gvern, għalhekk il-Knisja qed tgħin fih. Ġieli tiġi identifikata art li l-Knisja ċċediha għal żvilupp komunitarju soċjali.”

More in Politika