Il-Kunsill Mellieħi se jappella mid-deċiżjoni dwar il-bini ta' blokka ta' tmien sulari

Is-Sindku tal-Mellieħa John Buttigieg jisħaq li dan juri li l-kunsill tal-Mellieħa dejjem ħadem favur ir-residenti

B’mod unanimu, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qabel li jappella mill-permess mogħti riċentament għall-bini ta’ blokka ta’ tmien sulari li tinkludi lukanda u anke appartamenti residenzjali.

Id-deċiżjoni ttieħdet il-ġimgħa li għaddiet u kemm il-kunsilliera tal-Partit Laburista u anke dawk f’isem il-Partit Nazzjonalista qablu li jappellaw.

Oriġinarjament, il-mozzjoni kienet ippreżentata quddiem il-Kunsill Lokali mill-kunsilliera Nazzjonalisti li kienu qed jitolbu lill-Gvern biex jerġa’ jagħti lura din l-art,  li tmiss ma’ Triq Ħalq iċ-Ċawl, Triq l-Iżbark tal-Franċiżi u Triq il-Fortizza li fuqha kien hemm ippjanat li jinbena ċentru tal-komunità.

Madanakollu, dwar dan kien ressaq emenda s-Sindku John Buttigieg li fi stqarrija maħruġa riċentament saħaq li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qatt ma kien ingħata din l-art għall-bini ta’ ċentru tal-komunità, imma mogħtija lilu mid-Dipartiment tal-Artijiet  fuq bażi ta’ encroachment għal skopijiet ta’ parkeġġ.

Fi stqarrija ntqal li l-Kunsill Lokali “għaliex jemmen li l-Partial Review of Subsidiary Plans approvati f’Jannar 2013 m’għandhiex tipprevali fuq il-Pjan Lokali approvat fl-2006.”

Intqal ukoll li l-istess Kunsill alloka fondi biex isostni din l-inizjattiva tul il-kors kollu li tippermetti l-liġi.

"Dan ixejjen kull impressjoni li ngħatat minn xi wħud fl-aħħar jiem illi l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, ma ħadimx u aġixxa fl-aħjar interess tal-lokalità," temm jisħaq is-Sindku.

More in Politika