Franco Debono jitlef appell; Multa ta' €700 fuq disprezz tal-Qorti

Sorsi jgħidu lil din il-gazzetta illi Franco Debono tilef appell quddiem il-Kummissjoni għall-Aministrazzjoni tal-Ġustizzja. Mal-ILLUM Franco Debono jwieġeb u jwissi...

Sorsi differenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta żvelaw illi Franco Debono, f’nofs Marzu li għadda, tilef appell li kien qed jinstema’ quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Każ, ifakkru s-sorsi, li jmur lura għas-sena 2011 meta l-stess Kummissjoni kienet sabet lil Debono ħati ta’ disprezz lejn il-Qorti, akkuża li sa issa Debono għadu jinnega bil-qawwi. Il-Kummissjoni kienet immultatu €700 u sussegwentement Debono appella.

Debono kellu kuntatt ma’ assistent ta’ Maġistrat fejn talab li każ ikun diferit għax kien ma jiflaħx, liema talba kienet irrifjutata mill-Qorti. Jidher illi kien hemm skambju ta’ kliem f’argument bejn din l-assitent u Debono.

Minkejja l-informazzjoni dwar dan l-eżitu, f’kuntatt ma’ din il-gazzetta, l-avukat popolari kien skjett u ċar fi kliemu meta saritlu mistoqsija għall-konferma. “Mhux veru u ma rridx nikkumenta u nfakkar illi l-proċeduri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja huma sigrieti.”

L-Avukat Debono iżda ma jiqafx hemm u jwissi lil dawk illi qed joħorġu informazzjoni mill-Kummissjoni, fosthom lill-midja. “Min joħroġ informazzjoni minn hemhekk qiegħed jesponi lill-membri kollha tal-Kummissjoni għad-danni.”

Ftit ġimgħat ilu, Debono mhux biss sploda kontra Joseph Muscat, meta allega li Egrant hija fil-fatt tiegħu jew ta’ xi ħadd qrib tiegħu, imma kompla jiftaħ kontra l-Avukat ta’ Joseph Muscat u membru tal-istess Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Pawlu Lia li qed imexxi l-libell ta’ Muscat fuq il-każ ‘Egrant’.

Debono kellu differenzi ma’ Lia, liema differenzi għamilhom pubbliċi. Tant hu hekk, li l-eks Deputat Nazzjonalista kien talab għar-rikuża tiegħu u akkużah b’kattiverija.

“Qatt ma ltqajt ma’ raġel kattiv daqsu,” kien sostna Debono.

Mal-ILLUM Debono baqa’ jinsisti biss li ma jirrispondix dwar il-każ innifsu, li jgħid illi mhux vera u mhux se jikkumenta kif ukoll reġa’ qal li min joħroġ informazzjoni sigrieta minn ġol-Kumissjoni jkun qed jimmina l-Kummissjoni u jesponi lill-membri għad-danni.

More in Politika