Investiment ta’ €1.2 miljun għar-restawr tal-istazzjonijiet tal-ferrovija

Is-Segreatarju Parlamentari Aaron Farrugia jgħid li l-proġett se jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tad-dehra ta’ Malta 

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia jħabbar l-investiment
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia jħabbar l-investiment

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia ħabbar investiment ta’ €1.2 miljun f’fondi Ewropej għar-restawr tal-istazzjonijiet tal-ferrovija f’Birkirkara, f’Ħ’Attard u fil-Ħamrun biex isiru aċċessibbli għal kulħadd u b’hekk inkomplu nagħtu valur lill-assi kulturali u storiċi lokali.

Il-proġetti jinkludu rinovazzjoni tal-binjiet tal-istazzjonijiet tal-ferrovija antiki tal-Ħamrun u ta’ Ħ’Attard biex jiġu preservati u jsiru attrazzjoni kif ukoll ir-rinovazzjoni tal-istazzjon ta’ Birkirkara li se jsir mużew għall-memorabilia restawrata mill-ferrovija kif ukoll replika tal-istrutturi tal-ferroviji ta’ Malta.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-proġett se jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tad-dehra ta’ Malta biex minn destinazzjoni turistika għax-xemx u għall-bajjiet issir destinazzjoni li tattira turisti li jiġu Malta għal raġunijiet varji f’lokalitajiet differenti.

“Dawn il-proġetti tal-fondi Ewropej qed jirrappreżentaw qawmien mill-ġdid għal parti mill-istorja tagħna li se tattira kemm viżitaturi lokali kif ukoll turisti biex jesperjenzaw il-ħajja fl-irħula tagħna – l-għan ta’ dan il-proġett hu li jkollna prodott kulturali turistiku iktar kompetittiv billi nużaw il-potenzjal biex nattiraw iktar viżitaturi interessati fit-turiżmu kulturali,” qal Aaron Farrugia filwaqt li spjega li dan il-proċess hu parti mill-pjan tal-gvern għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

“Permezz ta’ proġetti bħal dawn qed ninvestu fil-komunitajiet tagħna u qed nipproteġu l-identità Maltija filwaqt li nassiguraw l-aċċessibilità għall-wirt kulturali ta’ pajjiżna lill-ġejjieni,” żied Aaron Farrugia.

Hu mistenni li t-tliet proġetti li kollha qegħdin fi stadji differenti, se jżidu n-numru ta’ viżitaturi lejn dawn is-siti għal madwar 13,000.

Is-Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina qal li dan il-proġett se jgħin biex jitkattar il-wirt kulturali fil-lokalità u se jkun ta’ benefiċċju kemm għat-turisti kif ukoll għall-komunità lokali.

Is-Sindku ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech qalet li apparti l-element ta’ fondi, hemm ukoll element ta’ sodisfazzjon għall-fatt li l-istorja tal-ferrovija qed terġa’ tieħu l-ħajja b’numru ta’ proġetti inkluż dak li qed isir ma’ kunsilli oħra.

Filwaqt li rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-ħidma tiegħu kif ukoll lill-iScouts tal-Ħamrun u lill-Malta Railway Foundation tal-għajnuna, is-Sindku tal-Ħamrun Chris Sammut qal li permezz ta’ dan il-proġett, l-istazzjon tal-ferrovija se jsir post ħafna aħjar għat-tfal li jattendu l-iScouts u l-girl guides.

Iċ-Chairman tal-Malta Railway Foundation Paul Galea qal li issa wasal il-mument biex l-istorja tal-ferrovija ta’ Malta tieħu l-ħajja u titgawda mit-turisti, mill-poplu Malti u minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku Malti.

More in Politika