'Il-Knisja tal-Ġiżwiti u l-Università l-antika jista' jkollhom l-istess potenzjal tal-Kon Katidral'

Il-Ministru Owen Bonnici jitkellem dwar l-importanza ta' dawn iż-żewġ binijiet marbuta fil-Belt Valletta

Dalgħodu, il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, żar ix-xogħlijiet li saru u li għadhom għaddejin mhux biss fuq il-Knisja tal-Giżwiti fil-Belt Valletta iżda anke fuq il-binja tal-Università l-antika li hija marbuta magħha.

Akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista u mis-Sindku Belti Christian Micallef, il-Ministru Bonnici dar mal-binja minn barra biex jara b’għajnejh ix-xogħol li sar u anke xogħol ieħor li għadu għaddej.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici ddeksriva li din il-knisja u anke l-binja tal-Università bħala t-tieni ġojjell fil-Belt Valletta wara l-Kon Katidral ta’ San Ġwann.

“Dawn iż-żewġ binijiet huma ġojjell arkitettoniku,” saħaq il-Ministru Bonnici waqt li insista li l-Gvern irid jagħmel l-aqwa użu mill-potenzjal li joffru.

Fi kliem Bonnici, bħalma l-Kon Katidral sar attrazzjoni ewlenija mat-turisti li jżuru l-Belt Valletta, saħaq li dawn iż-żewġ binjiet għandhom l-istess potenzjal.

Filwaqt li għamel referenza għall-kwistjoni bejn il-Gvern u l-Knisja li mhux jaqblu min huwa s-sid ta’ dawn il-binjiet, il-Ministru wera x-xewqa li jaħdmu flimkien, anke mal-Università, biex jagħtu mill-ġdid il-ħajja lil dawn il-binjiet importanti.

Huwa spjega li r-restawr kemm fuq il-bejt u anke l-faċċati tal-knisja u l-Università swew kważi €1.5 miljun u dawn saru kollha b’fondi interni.

“Dawn il-binjiet qishom djamant fil-kexxun li qed iġemma’ t-trab,” saħaq il-Ministru Bonnici.

Intant bħalissa qed isiru wkoll studji bil-għan li fil-futur qarib jibda wkoll restawr fuq ġewwa tal-knisja u anke tal-Oratorju li jinfed magħha.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, saħaq li dan hu biss parti mir-rinovazzjoni kbira li qed issir fil-Belt Valletta u tenna l-impenn tiegħu u tal-Gvern li jkompli jsir investiment f’dawn iż-żewġ binjiet.

Tal-istess opinjoni kien is-Sindku Belti li insista li apparti dak li sar, fil-Belt Valletta fadal ħafna xi jsir u wiegħed l-impenn tal-Kunsill Lokali biex binjiet importanti fil-Belt jerġgħu jingħataw il-ħajja.

“Meta nieħdu ħsieb dawn il-postijiet, inkunu qed insebbħu l-Belt Valletta,” insista l-Ministru.

More in Politika