Il-Gvern jaċċetta l-proposti tal-PN għall-bidliet fil-proċess elettorali

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tivvota mal-Gvern wara li dan aċċetta l-proposti tagħha għal verifika tal-poloz, fost oħrajn

Wara li ġew aċċettati l-emendi tal-Partit Nazzjonalista ghall-Process Elettorali, l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur l-emendi għal-liġi li tirregola l-elezzjonijiet f'pajjiżna. Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt is-seduta Parlamentari tal-lum li matulha ġew diskussi l-emendi għall-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali (Kap. 354) kif ukoll l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363). 

"Il-Gvern aċċetta l-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista, fosthom li ssir verifika tal-poloz tal-voti b'mod manwali qabel jiġu pproċessati b'mod elettroniku, li permezz tagħhom jiġi assigurat li l-proċess tal-għadd tal-voti jkun trasparenti, ġust u ħieles minn manuvri li setgħu jtellfu l-fiduċja fil-proċess tal-għadd elettroniku." Hekk sostna s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li fakkar kif f'Diċembru li għadda qamu dubji kbar dwar is-sistema tal-għadd elettroniku u l-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex jipproponi emendi fil-proċess biex ikun assigurat li r-riżultati tal-elezzjonijiet jkunu verament jirriflettu r-rieda tal-elettorat.

Permezz tal-emendi maqbula bejn iż-żewġ partiti, l-poloz tal-voti għall-ewwel darba se jkunu jinkludu r-ritratti tal-kandidati, se jkunu wkoll stampati minn wara minħabba l-proċess tal-għadd elettroniku kif ukoll il-preferenza tal-elettorat se tkun dejjem qed tinkiteb fuq in-naħa tal-lemin tal-polza. Emendi oħra jaħsbu biex mir-reġistru jitneħħew numru ta' votanti, ħafna minnhom barranin, li għadhom fir-reġistru minkejja li hu magħruf li jew ġew neqsin jew inkella m'għadhomx residenti f'Malta. Skont l-aħħar reġistru elettorali l-aktar persuna anzjana eleġibbli tivvota fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għandha 117-il sena u fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali saħansitra hemm votanta eleġibbli li għandha 119-il sena. Dawn huma kollha anomaliji li jitneħħew ladarba jidħlu fis-seħħ l-emenda mressqa llum. Emendi oħra jaħsbu biex in-nominazzjonijiet tal-kandidati jintlaqgħu ukoll online kif ukoll biex anke l-pubblikazjzoni tar-reġistru elettorali tibda ssir online u għalhekk jonqos l-istampar tal-istess reġistru.

Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Ġenerali Puli rringrazzja l-voluntiera u dawk kollha li jaħdmu fl-uffiċċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-ELCOM, li kienu l-ewwel strumenatli li sabu n-nuqqasijiet fis-sistema tal-għadd tal-voti elettroniku u wara biex ġew ippreżentati l-emendi min-naħa tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika