Il-PN jinsisti li r-rapport Greco jagħtih raġun, 'm'aħniex ngħixu f'pajjiż normali'

'Li m'aħniex ngħixu f'pajjiż normali ilna nafuh' jinsisti l-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-PN Adrian Delia

"Ir-rapport tal-Greco li ġie ppubblikat illum huwa rapport ieħor li qed jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista," sostna l-istess partit fi stqarrija. 

                                                    Ara hawnhekk l-ewwel rapport ta' dan is-sit dwar il-Greco

"Li m'aħniex qed ngħixu f'pajjiż normali issa ilu jiġi kkonfermat minn bosta rapporti ta' istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej bħall-Kummissjoni Ewropea, l-Moneyval, il-Kummissjoni Venezja u issa l-Greco. Kienet il-pressjoni qawwija li saret mill-Oppożizzjoni li wasslet biex jiġi ppubbikat ir-rapport tal-Greco għaliex il-Gvern  kien se jħallih moħbi tant li saret talba mill-Kunsill tal-Ewropa lill-Gvern Malti biex dan ir-rapport jiġi ppubblikat."

Il-PN kompla jgħid illi bħall-kundanni kollha li sarulu mill-istituzzjonijiet u awtoritajiet barranin l-oħra, l-Greco jikkundanna lill-Gvern Laburista għall-mod kif ħataf taħt idejh l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna u qed jikkontrollahom. "Il-Greco jikkritika l-fatt li ma ttieħdet l-ebda azzjoni dwar il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-mod kif il-Gvern Laburista għadu qed jirrifjuta inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia."

Il-PN qal illi dawn il-konklużjonijiet tal-Greco jirriflettu dak li l-Oppożizzjoni ilha ssostni dwar it-tiġrif tas-sistema ġudizzjarja f'pajjiżna, li l-Prim Ministru għandu ħafna poteri, li m'hawnx sistema effettiva ta' checks and balances fuq l-eżekuttiv u li l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna jinsabu maħkuma mill-Gvern u mhux qed jitħallew fil-libertà li jiffunzjonaw.

"L-Oppożizzjoni se tibqa' tinsisti li r-rakkomandazzjonjiet kollha tar-rapport jidħlu fis-seħħ mingħajr tkaxkir tas-saqajn biex verament ikun hawn tisħiħ tas-saltna tad-dritt f'pajjiżna."

More in Politika