Il-PD mhux se jivvota dwar il-ħatra tal-President George Vella

Jgħid li l-Gvern kellu jemenda l-Kostituzzjoni biex il-President jiġi appuntat b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kamra

Il-Partit Demokratiku għażel li ma jattendix id-dibattitu Parlamentari tal-lejla li warajh se jkun qed jittieħed il-vot dwar il-President innominat George Vella u dan għax fi kliem il-PD, il-Gvern ma weriex rieda tajba li jemenda l-Kostituzzjoni biex il-President jiġi appuntat b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kamra.

“F’Malta għandna sistema ta’ demokrazija li mhux taħdem sew u l-Presidenti tar-Repubblika, fil-maġġoranza tagħhom, kienu pupazzi b’fommhom sieket,” stqarr il-Kap tal-PD Godfrey Farrugia. “Il-Presidenti għandhom jingħataw il-poteri negattivi neċessarji biex jiżguraw governanza tajba u għandu jkollhom istituzzjoni bħal Kunsill tal-Istat, magħmul minn individwi li r-rwol tagħhom ikun li jagħtu parir lill-President,” żied jgħid.

Min-naħa tagħha, d-Deputat Marlene Farrugia nsistiet li kieku f'Malta jirrenja t-tajjeb, President li jikkaratterizza rappreżentazzjoni wiesa’, ekwità u fiduċja ma jkollux bżonn klawsola taż-żewġ terzi.

Il-Partit Nazzjonalista diġà ddikjara li se jkun qed jivvota favur in-nomina ta' George Vella.

More in Politika