Sant jakkuża lill-MEPs tal-PN bi 'qdusija falza' u b'kampanja biex jagħmlu ħsara lil Malta

'Is-sodisfazzjon tal-PN huwa li jagħmlu ħsara lil Malta fl-Ewropa. Dan mhux aċċettabbli' sostna Sant 

"Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit hekk imsejjaħ Nazzjonalista jrid jerfa’ r-responsabbilta` tal-ħsara politika li qegħdin jagħmlu r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew." Dan qalu Alfred Sant f’laqgħa politika f’Marsaxlokk.

Huwa qal illi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista  kellha sehem kbir fit-tfassil tar-Riżoluzzjoni tas-Saltna tad-Dritt dwar Malta. "Il-membri Ewroparlamentari tal-PN b’mod sistematiku ilhom jinstigaw li titla’ din ir-Riżoluzzjoni biex jagħmlu ħsara lil Malta. Ilhom ix-xhur jisqu gideb dwar Malta lill-Partit Popolari Ewropew, l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew. Fit-tħejjija tar-riżoluzzjoni l-aktar prinċipji elementari tal-fair play u tal-oġġettivita` twarrbu għal kollox," sostna Sant.

 “Is-sodisfazzjon tal-PN huwa li jagħmlu ħsara lil Malta fl-Ewropa. Dan mhux aċċettabbli.”

Alfred Sant qal li l-konklużjonijiet tar-Riżoluzzjoni dwar is-Saltna tad-dritt f’Malta kienu mħawda u mibnija fuq premessi foloz jew żbaljati, u intweriet injoranza tar-realta` storika ta' pajjiżna, jekk mhux disprezz lejha.

 “B'mod ta' qdusija falza, b'arja li huma l-aqwa esperti fid-demokrazija u fit-tmexxija skont ir-regoli tal-liġi, bi skopijiet partiġġjani moħbija imma trasparenti, dawk li ħadmu biex ivaraw ir-riżoluzzjoni poġġew lill-Parlament f'pożizzjoni fejn għamilha ta' prosekutur, ġurija u imħallef.”

Alfred Sant qal li dawk li mexxew din ir-riżoluzzjoni tellfu lill-Parlament Ewropew kull kredibilita` meta jersaq biex jingħata xi rwol serju fil-konferma tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea jew barra minnha.

More in Politika