Giegold iwieġeb u jgħajjar beżżiegħa lil tal-Partit Nazzjonalista

Dan wara li l-Partit Nazzjonalista kkundanna lil Giegold li talab lill-Kummissjoni Ewropea biex jiskatta l-Artiklu 7 kontra Malta

L-Ewroparlamentari Sven Giegold, li ma' Ana Gomes u David Casa ġie aktar minn darba Malta biex jinvestiga s-Saltna tad-Dritt f'Malta, fetaħ il-kanuni kontra l-Partit Nazzjonalista u għajjar lill-esponenti tiegħu bħala beżżiegħa.

Dan wara li aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista kkundanna lil Giegold li talab lill-Kummissjoni Ewropea biex jiskatta Artiklu 7 tal-Unjoni Ewroepa kontra Malta.

"Ma stennejtx l-applawżi mill-Partit Laburista," kiteb Giegold waqt li wera l-iskantament tiegħu għax insista li ma kienx jistenna dik ir-reazzjoni mill-Partit Nazzjonalista li fi kliemu ilu snin jiġġieled il-korruzzjoni u l-impunità f'Malta.

Fakkar lill-Partit Nazzjonalista li Artiklu 7 jiskatta jekk stat membru jikser il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fi kliemu l-Kunsill tal-Ewropa għadu kemm ikkonkluda li Malta hekk qed tagħmel.

"Hija ħasra li l-Partit Nazzjonalista mhux jifhem il-potenzjal ta' investigazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt," kiteb Giegold. "Din tista' ssaħħaħ il-vuċi tal-Maltin li jixtiequ jsaħħu s-saltna tad-dritt f'pajjiżhom."

L-Artiklu 7 jinkludi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea tinforza dawk il-valuri tagħha fuq pajjiż membru u dan jekk ma jkunx qed isegwi l-liġijiet kif imsemmija fit-Trattat.

Intant, il-Partit Laburista wkoll irreaġixxa u saħaq li "għal ħames snin sħaħ l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista rewħu kemm felħu biex nies bħal Giegold u oħrajn jipprovaw jimminaw l-interess ta' Malta speċjalment fis-settur finanzjarju." Kien għalhekk li saħaq li l-PN ma jistax jittieħed bis-serjetà.

More in Politika