Scicluna jitkellem dwar konsegwenzi wara li rapport tal-Moneyval spiċċa f'idejn il-midja

Skont dak irrappurtat, Malta falliet mit-test preliminari dwar is-sistema tagħha kontra l-ħasil tal-flus

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna tkellem dwar dak li sejjaħ bħala trattament mhux ġust fil-konfront ta’ Malta wara li parti minn evalwazzjoni tal-Moneyval dwar il-ħasil tal-flus spiċċat f’idejn il-midja.

Skont rapport fuq it-Times of Malta, mill-evalwazzjoni sa issa, Malta falliet mit-test preliminari dwar is-sistema tagħha kontra l-ħasil tal-flus.

Il-Ministru Scicluna insista li mhux ġust li minħabba din il-leak, il-proċess ta’ evalwazzjoni, li ilu jsir għal diversi snin, kellu jieqaf fin-nofs meta f’pajjiżi oħra seta’ jitkompla.

“Xi ħadd għadda abbozz ta’ rapport tal-Moneyval f’nofs proċess ta’ evalwazzjoni. Dan ippreġudika l-proċess,” qal il-Ministeru. “Minħabba li l-proċess waqaf fin-nofs, issa se jkollna nbatu l-konsegwenzi,” kompla jgħid il-Ministru mingħajr ma kompla jelabora.

Scicluna qal dan waqt konferenza organizzata mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) u li matulha insista li l-Gvern qed jaħdem bla mistrieħ biex ikisser ix-xniegħa li Malta mhux serja fil-ġlieda tagħha kontra l-ħasil tal-flus.

Fost oħrajn, huwa insista li ma kienx tort tal-Gvern li l-pajjiż ma setax idaħħal fis-seħħ ir-raba’ direttiva dwar il-ħasil tal-flus waqt li fakkar li l-proċess kellu jieqaf minħabba l-elezzjoni tal-2017.

Fakkar kif sa Diċembru ta’ dik is-sena, il-Gvern lesta l-proċess u talab l-approvazzjoni tal-Kummissjoni li ġibdet l-attenzjoni għal dawk li fi kliemha kienu nuqqasijiet li kellhom jiġu emendati.

Il-Ministru insista li l-Gvern ressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu u dawn it-30 rakkomandazzjoni niżlu għal ftit biss, tant li l-Gvern irnexxielu jindirizzahom u jimplimentahom.

Kompla jfakkar ukoll li l-ewwel stħarriġ nazzjonali dwar il-ħasil tal-flus beda fl-2013 u fi kliemu dan qabel ħarġu fil-beraħ kontroversji dwar banek, b’referenza indiretta għall-Bank Pilatus u l-kontroversji li dawruh.

More in Politika