Il-PN jikkundanna d-dikjarazzjoni tal-Ewroparlamentari Sven Giegold

Giegold appella lill-Kummissjoni Ewropea biex jiskatta l-Artiklu 7 kontra Malta

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kkundanna d-dikjarazzjoni tal-Ewroparlamentari Ġermaniż Sven Giegold li appella lill-Kummissjoni Ewropea biex jiskatta l-Artiklu 7 kontra Malta.

Dan l-artiklu jinkludi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea tinforza dawk il-valuri tagħha fuq pajjiż membru u dan jekk ma jkunx qed isegwi l-liġijiet kif imsemmija fit-Trattat.

Il-Partit Nazzjonalista insista li l-pajjiż u l-poplu Malti ma għandux jeħlu għan-nuqqasijiet tal-Gvern u għalhekk insista li ma jaqbilx li għandu jiskatta dan l-artiklu tat-trattat tal-Unjoni Ewropea.

“Ikun aħjar jekk l-MEP Giegold u sħabu l-Ħodor fil-Parlament jaħdmu fid-direzzjoni tal-Partit Nazzjonalista billi jżidu l-pressjoni fuq il-Gvern Soċjalista u l-aġir ta' persuni qrib tiegħu, li bl-għemil tagħhom qed ikissru r-reputazzjoni tajba li dejjem kellu pajjiżna,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Appella lill-Gvern biex minnufih jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha li sarulu mill-Kummissjoni Venezja u biex dawn ikunu parti mill-Kostituzzjoni tal-pajiż.

Ħeġġu wkoll biex jagħti widen għar-rapporti internazzjonali u Ewropej kollha li fi kliem il-PN qed juru b'mod ċar li mhu qed jagħmel xejn biex jiġġieled il-korruzzjoni b'mod konkret u b'serjetà.

“Kull ġurnata li tgħaddi li fiha l-Gvern jonqos milli jieħu azzjoni hi ta' dannu kbir għal pajjiżna, li fid-dawl tan-nuqqas ta' azzjoni pajjiżi oħra qed jibdew iħarsu lejna bħala tax haven,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Il-PN ma jistax ikun kredibbli mneta jitkellem dwar Giegold - PL

B'reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li l-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun kredibbli meta jitkellem dwar Sven Giegold u t-talba tiegħu biex jiskatta artiklu 7 kontra Malta.

Fi stqarrija, il-PL insista li "għal ħames snin sħaħ l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista rewħu kemm felħu biex nies bħal Giegold u oħrajn jipprovaw jimminaw l-interess ta' Malta speċjalment fis-settur finanzjarju."

"Iżda, il-poplu Malti jaf li f’delegazzjonijiet li ġie fihom Giegold spalla ma’ spalla miegħu kien hemm Roberta Metsola u David Casa. Il-Gvern u l-Partit Laburista kienu fuq in-naħa l-oħra jiddefendu lil Malta. Issa tard wisq biex xi ħadd jemmen li ma riedux jagħmlu ħsara l-pajjiżna," temm jgħid il-Partit Laburista.

More in Politika