Intervista | ‘Naf ġenituri li ftaqru biex jgħinu lil uliedhom li jieħdu d-droga’

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Josef DeBono, President tal-Azzjoni u titkellem miegħu dwar il-faqar, il-kirjiet, il-Knisja f’Malta u proġett soċjali f’Ħal Balzan 

Il-fosos kważi Malta kollha marret xi darba jew oħra u kważi kulħadd innota dak il-bini kbir, b’bieb enormi u twieqi bojod. Għalkemm fuq barra l-binja m’għandhiex wisq gost u ħajja, malli tidħol issib attività qawwija ta’ persuni, mhux biss dawk li jkunu f’xi prova għal xi dramm jew serata fit-teatru tal-binja iżda wkoll persuni mill-Azzjoni Kattolika u anzjani li jattendu l-università ta’ terza età.

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Josef Debono, fit-tieni sular. Debono huwa l-President tal-Azzjoni Kattolika li f’intervista ta’ siegħa din il-gazzetta titgħallem illi huma ħafna aktar minn numru ta’ nies, probabilment anzjani, li jiltaqgħu jitolbu, kif forsi jaħsbu wħud.

Fil-fatt l-Azzjoni Kattolika hija magħmula minn diversi gruppi fosthom ta’ żagħżagħ lajċi madwar il-pajjiż kollu li filwaqt li qed jgħixu ħajjtihom, fl-iskola jew fil-post tax-xogħol, jiffurmaw komunità li tiltaqa’, tiddiksuti, tipproponi, titlob, torganizza u toħloq sens ta’ identità u sens ta’ għaqda u camaraderie fost dawk li jattendu.

F’kamra mdaqqsa bi kwadru li fih stampa tal-Arċisqof Charles J Scicluna tħares lejna, forsi lejn waħda mill-aktar gazzetti lokali kritiċi tiegħu, Debono jgħid li l-membri jgħixu kullimkien, fuq il-post tax-xogħol, fil-ħwienet u fit-toroq biex jagħtu vuċi lit-tgħalim tal-knisja

Imma l-knisja għad għandha vuċi llum?

Iż-żgħażagħ esperjenza jridu, aktar minn kollox

Huwa jgħid li llum in-nies jinteressahom l-aktar minn dak li jaraw u jmissu b’idejhom, mhux biss dak li hu fl-arja.

Huwa jinsisti li d-dommi tal-fidi huma importanti, imma aktar minn hekk jeħtieġ nħarsu lejn it-triq li neħtieġu nimxu biex naslu sad-destinazzjoni. Hawnhekk huwa jgħid illi t-triq hija dik tal-esperjenza, bħall-esperjenza li 45 grupp ta’ żgħażagħ ikollhom madwar il-pajjiż fl-għaqdiet taż-żgħażagħ li tmexxi l-Azzjoni Kattolika. “Jiena nara sens fil-ħajja Nisranija, għalhekk immur il-quddies il-Ħadd, mhux għax ta’ bilfors jew għax xi ħadd jġegħelni,” jisħaq Debono. Huwa jgħid illi ż-żgħażagħ jagħtu formazzjoni lil żagħżagħ oħrajn u jibnu fuq l-esperjenzi li jakkwistaw.

Imma dan mhux diġa qed isir permezz tal-MUSEUM? X’differenza hemm bejn dan u ż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK)?

Debono jevita li jagħmel paraguni għalkemm donnu jinsisti li ż-ŻAK hija iktar ibbażata fuq il-prattika u l-esperjenza, iktar milli tpoġġi u xi ħadd jgħallmek id-duttrina. 

“Hawn min ilu fl-istess grupp 12-il sena. Naturlament in-numri jinbidlu, imma dawk li jibqgħu jirnexxielhom jiffurmaw komunità. Komunità ta’ nies li jsibu l-appoġġ, il-wens u spalla f’xulxin. Dawn huma nies lajċi, li għandhom xogħol u familja. Imma darba fil-ġimgħa jiltaqgħu biex jitkellmu. Hemm familji li bdew miż-ŻAK u li meta niltaqa’ magħhom jgħiduli kemm kienet importanti l-formazzjoni u l-espożizzjoni li ħadu miż-ŻAK u kemm għinithom biex jiffurmaw karattru, anke fuq il-post tax-xogħol.”

‘Nies li jiġu għadna jispiċċaw bla saqaf fuq rashom...’

Aħna u nippreparaw biex nibdew din l-intervista tkellimna ftit dwar l-għajnuna li tagħti l-Azzjoni Kattolika lill-vulnerabbli, permezz tas-segretarjat, konsosnanti mat-twemmin tal-Knisja favur is-solidarjetà. Imma min imur iħabbat il-bieb tagħhom?

“Nies li se jispiċċaw barra bla saqaf fuq rashom, nies li mhux qed ilaħħqu mal-kontijiet, nies li mhux qed ilaħħqu mal-kera.” Hu jispjega kif ġieli kien hemm min ċempel f’isem xi ħadd li kien fil-bżonn biex isibu xelter fejn jista’ jgħix. “Imma llum ix-xelters huma mimlijin, m’hemmx fejn tmur. Lanqas social workers m’hemm biżżejjed,” jinsisti Debono.

Imma dawk li qegħdin f’din is-sitwazzjoni jinsabu f’numri insinifikati, nirrimarka. “Mhumiex le, kull persuna li tinsab f’din is-sitwazzjoni hija ħafna,” sostna.

Imma hawn l-idea popolari li kulħadd sejjer tajjeb, nerġa’ nirrimarka. Imma Debono jinsisti illi “meta tkun sejjer tajjeb int, faċli taħseb li kulħadd bħalek.”

“Vera hawn ħafna nies li qed jgħaddu sew, imma għandek faxxa ta’ nies bħall-anzjani illi filli kellhom ammont ta’ kera xi jħallsu u filli  jridu jħallsu ammont ta’ kera li huwa aktar mill-pensjoni,” qal il-President tal-Azzjoni Kattolika.

Hu jgħid illi l-faqar għandu angoli u aspetti differenti u spjega kif jaf każijiet fejn il-ġenituri spiċċaw ftaqru biex jgħinu lil uliedhom li jkunu fuq id-droga.

Għandi għalfejn nixrobilhom demmhom koppja li qed ifittxu dar? Dan irridu nisfidaw, mhux lill-politiku. Il-bidla minn isfel tibda

Jispjega kif l-Azzjoni Kattolika ilha snin tħaddem inizjattiva li permezz tagħha toffri mini buses għal dawk l-anzjani li jkunu waħedhom u dan biex ikunu jistgħu joħorġu. “Anke x-xufiera jibnu relazzjoni ma’ dawn l-anzjani. Dan il-proġett bdejnieh qabel biss f’dan il-pajjiż bdiet diskussjoni dwar is-solitudni,” qal b’ċertu sodisfazzjon Debono.

Xelter għal dawk fil-bżonn f’Ħal Balzan

Induru allura fuq l-aktar punt importanti tal-intervista; il-proġett ta’ dar bħala xelter għal dawk in-nies li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

“Bħalissa fil-pajjiż qed niddiskutu l-bżonn ta’ xelters għal dawk li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, biex għallinqas ikollhom post fejn jistgħu jgħixu,” qal il-President tal-Azzjoni Kattolika.

“Bdejna naraw xi proprjetajiet li għandha l-Azzjoni Kattolika. Għandna proprjetà li tintuża tajjeb, bħal pereżempju ħafna mill-art illi fuqha hemm id-Dar tal-Providenza jew il-binja taż-ŻAK f’Raħal Ġdid u l-Ħamrun, fejn qed jużawha nies u għaqdiet differenti. Imbagħad hemm proprjetajiet li ma jintużawx bħal dik ta’ Ħal Balzan, li tintuża forsi siegħa kull ġimgħa.

Din id-dar għandha żewġ sulari, bit-tieni sular se jkun iddedikat għal persuni jew familji li jkunu qed jgħixu hemmhekk għal żmien temporanju. “Dan ix-xelter se jkun post fejn persuna tqatta’ ftit żmien sakemm issib post fejn tgħix,” qal Debono li spjega illi min jgħix hemmhekk se jintalab iħallas ftit flus (jista’ jkun b’xejn ukoll) skont id-dħul tiegħu. Għas-sorpriża ta’ din il-gazzetta dwar il-ħlas, ifakkar li meta persuna tħallas il-parti tagħha qed tagħtiha d-dinjità, tħossha li mhux qed tgħix minn fuq xi ħadd, apparti li qed tikkontribwixxi biex min jiġi warajha jsib post tajjeb.”

“Imma qed nitolbu kontribut, mhux inkissrek b’xi €900 fix-xahar.”

Bħalissa għaddej xogħol fuq is-soqfa u qed isir xogħol fuq il-madum u l-elettriku.

“Din hija qatra żgħira f’oċean,” sostna Debono li jirrakkonta anedottu żgħir mill-istorja ta’ dan il-proġett.

“Żmien ilu fiż-Żak, persuna li kienet membru magħna rritornat lura għax-xoghol u darba ċemplitli u qalet li fix-xogħol kienu qasmuhom f’timijiet u tawhom €15,000 għall-proġett ta’ għajnuna u staqsietu xi proġett kellhom l-Azzjoni Kattolika. Jiena tajtha deskrizzjoni u jumejn wara ċċempilli u tgħid li għadda l-proġett tagħhom għax dak li propona proġett fl-Indja vvota għall-proġett f’Malta.”

“Il-Mulej dejjem ipprovda,” jgħid Debono b’nofs tbissima. “Anke mingħand nies foqra, li għandhom bżonn l-għajununa huma stess, waslet l-għajununa.”

Imma int x’qed tagħmel biex jonqos il-faqar?

“Il-problema tal-faqar vera li hija marbuta mal-istituzzjonijiet, għalkemm ma rridx sufa f’ġisem il-politiku għax din l-isfida teħtieġ risposti kuraġġużi.”

“Imma hija problema tas-soċjetà nnifisha wkoll,” jgħid Debono,” aħna wkoll niġġeneraw il-faqar, fl-għażliet li nagħmlu. Bħala eżempju nfakkar illi jekk aħna nixtru prodotti li min jaf minn fejn ikun ġejjin u min qed jipproduċiehom qed jirċievi biss parti żgħira ħafna mill-qligħ inkunu qed nikkontribwixxu għall-faqar,” sostna mal-ILLUM.

“Nista’ noqgħod ingerger kemm irrid u nikteb artikli dwar il-faqar, imma jiena x’qed nagħmel?” jistaqsi Debono qabel imbagħad iġib l-eżempju tal-biedja. “Il-bdiewa jkabbru l-prodotti biex ikollna x’nieklu. Minflok, nixtri minn barra, bi prodott li min jaf minn xiex ikun għadda u probabilment dak il-bidwi lanqas biss ikun ħa porzjon żgħir tad-dħul. Mela qed ibati l-bidwi ta’ barra u qed ibati wkoll il-bidwi Malti. Dan huwa eżempju ta’ deċiżjoni personali li se twassal għall-faqar,” sostna.

Vera hawn ħafna nies li qed jgħaddu sew, imma għandek faxxa ta’ nies, bħall-anzjani, illi filli kellhom ammont ta’ kera xi jħallsu u filli jridu jħallsu ammont ta’ kera li huwa iktar mill-pensjoni

Huwa qal illi “faċli nwaħħal fil-Prim Ministru għall-faqar, imma jiena x’qed nagħmel biex innaqqas il-faqar?” qabel qal ill dak li hemm bżonn hija bidla fil-mentalità għax hawnhekk qed nitkellmu fuq ċirku sħiħ, “dak li qed tagħmel int hawn Malta qed jaffetwa lil ta’ ħdejk u lil dak f’pajjiż ’il bogħod.”

Induru fuq il-kwistjoni tal-kirjiet u kumment li jagħmel illi dwar l-immassimizzar tal-pofitti. Il-mentalità hija li jekk nista’ naqla’ aktar, ngħolli, infakkru.

“Hekk hu u kull min jisfida din l-idea ngħajruh. Il-mentalità mifruxa hi li litteralment nitħanżer,” jisħaq il-President tal-Azzjoni Kattolika. “Jekk xtrajt xi ħaġa b’€10 u nista’ neħodlok €100, neħodlok. Nieħu mhux għax għandi bżonn, imma biex insir iktar sinjur.”

Jistaqsi: “Għandi għalfejn nixrobilhom demmhom koppja li qed ifittxu dar? Dan irridu nisfidaw, mhux lill-politiku. Il-bidla minn isfel tibda.”

Ifakkar illi ħafna bidliet politiċi u anke kummerċjali jseħħu għax il-massa tkun trid hekk, għax il-massa tiċċalaq biex tbiddel.

Xaqq ta’ dawl...

Itemm jgħid iżda li sfortunatament, “qed ngħixu għas-servizz tal-flus, għalhekk ikun hawn il-faqar. Anke f’ċerti setturi kollox ngħaġġlu u ngħaġġlu, anke jekk inpoġġu lill-ħaddiem f’periklu basta nibqgħu nirbħu l-proġetti.”

Jispiċċa jikkwota lill-Papa Franġisku u jisħaq li hu għandu fiduċja kbira fl-umanità u fil-kapaċità li tbiddel dak li tkisser.

“Hemm xaqq ta’ dawl,” itemm jgħid Josef DeBono. 

More in Politika