It-turisti jippreferu Tas-Sliema iżda jqattgħu aktar iljieli f’San Pawl il-Baħar

F’Għawdex il-farmhouses jinkludu aktar sodod mil-lukandi u l-guesthouses kollha flimkien…

Il-lukandi fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan kienu l-aktar popolari mat-turisti li żaru Malta matul l-2017, iżda dawk it-turisti li għażlu li jqattgħu btala itwal f’Malta ppreferew l-inħawi ta’ fuq ta’ Malta, jiġifieri fil-lukandi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra, il-Mellieħa u l-madwar.

Dan jirriżulta mir-rapport annwali dwar l-Istatistika Reġjonali ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li semma kif matul l-2017, il-lukandi f’Malta u Għawdex laqgħu fihom 1.8 miljun persuna, il-maġġoranza tagħhom turisti. Dan ifisser li f’sena, il-lukandi raw żieda fl-ammont tal-klijenti ta’ 13%.

Waħedhom, il-lukandi li jinsabu fl-inħawi ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan u Pembroke ospitaw 854,137 persuna.

Madanakollu, ir-rapport jispjega kif anke jekk il-lukandi f’San Ġiljan irreġistraw l-akbar numru ta’ ljieli, it-turisti li qattgħu ftit aktar jiem f’Malta għażlu l-inħawi ta’ fuq tal-pajjiż u joqogħdu fil-lukandi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra.

Ir-raġunijiet jistgħu jkunu diversi. Jista’ jkun li turisti akbar fl-età jippreferu l-lukandi tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, għax il-ħajja hija xi ftit aktar kwieta u trankwilla minn dik fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u l-madwar.

Huwa fatt magħruf ukoll li l-lukandi fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar huma rħas mil-lukandi ta’ Tas-Sliema u l-madwar, tant li l-maġġoranza tal-lukandi ta’ ħames stilel jinsabu propju fl-inħawi tal-port.

Fil-fatt f’Malta, il-lukandi ta’ erba’ stilel kienu l-aktar popolari mat-turisti, segwiti minn dawk ta’ tlieta u żewġ stilel u fl-aħħar dawk ta’ ħames stilel.

Apparti minn hekk, ir-rapport jikkonkludi wkoll li l-kategoriji kollha ta’ lukandi f’Malta, inkluż il-guesthouses, hostels u anke l-villaġġi turistiċi, irreġistraw żieda fl-ammont ta’ klijenti u anke fl-ammont ta’ ljieli.

F’Għawdex imorru tajjeb ħafna l-guesthouses u l-hostels

Fl-2017, il-lukandi u l-istabbilimenti għat-turisti f’Għawdex raw ukoll żieda ta’ 12.6% fl-ammont ta’ klijenti tagħhom, biex b’kollox laqgħu fihom 97,781 persuna.

Għall-kuntrarju ta’ Malta, f’Għawdex il-lukandi ta’ erba’ stilel irreġistraw tnaqqis kemm fl-ammont ta’ turisti u anke fl-ammont ta’ ljieli.

Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li kienet irreġistrata żieda sostanzjali fl-ammont ta’ persuni li qagħdu fi stabbilimenti bħal guesthouses u l-hostels. Fil-fatt, f’Għawdex, din il-kategorija ta’ stabbilimenti rreġistrat żieda ta’ 153% fil-klijenti tagħha, jiġifieri żieda ta’ 6,509 turist fuq l-2016.

Apparti hekk, sal-aħħar tal-2017, l-appartamenti u l-farmhouses, li f’Għawdex huma popolari ħafna, kienu jammontaw għal 72.3% tal-akkomodazzjonijiet kollha għat-turisti, bil-farmhouses waħedhom jinkludu 3,074 sodda, jiġifieri aktar minn kemm joffru sodod il-lukandi, il-hostels u l-guesthouses kollha f’salt.

Minn ċifri li kienet kisbet il-gazzetta ILLUM, miġbura mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, f’Għawdex hemm ’il fuq minn 450 farmhouse u ’l fuq minn 620 appartament illiċenzjati.

Il-Maltin kienu jammontaw għal 52.4% tat-turisti f’Għawdex

Mal-Maltin, Għawdex jibqa’ popolari meta jkunu jridu jqattgħu xi jiem ta’ mistrieħ. Fil-fatt, dak magħruf bħala turiżmu domestiku kien jammonta għal 52.4% tad-domanda turistika f’Għawdex

Dan ifisser, li fl-2017, Għawdex u miegħu Kemmuna, laqgħu fihom 236,838 Malti u Maltija jiġifieri żieda ta’ 8.5% fuq l-2016.

Anke jekk il-Maltin li qagħdu fil-lukandi Għawdxin żdiedu, il-farmhouses u l-appartamenti jibqgħu popolari ħafna, tant li laqgħu fihom 172,575 Malti u Maltija.

L-aktar Maltin li żaru lil Għawdex għal btala kienu dawk li għandhom bejn il-25 u l-44 sena.

L-Għawdxin li niżlu Malta għal btala fl-2017 kienu jammontaw għal 23,924 persuna jiġifieri żieda ta’ 32% fuq is-sena ta’ qabel. Bħall-Maltin, il-maġġoranza tal-Għawdxin għażlu li ma joqogħdux f’lukanda u l-ammont ta’ ljieli li qattgħu naqas minn medja ta’ tliet iljieli għal żewġ iljieli.

Tal-linja popolari mat-turisti… iżda mhux waħedha

Tal-linja tibqa’ l-aktar mezz ta’ trasport favorit mat-turisti hekk kif kienet il-mezz ta’ trasport ewlieni ta’ 29% tat-turisti li żaru Malta fl-2017.

Madanakollu, interessanti kif meta mistoqsija x’mezz ta’ trasport użaw l-aktar, 28% tat-turisti li żaru Malta la għażlu tal-linja u lanqas it-taxi, il-coaches, il-vetturi privati jew mikrija.

Dan ifisser li mezzi oħra ta’ trasport, inkluż ir-rota jew saħansitra l-mixi, huma popolari mat-turisti kważi kważi daqkemm hija tal-linja.

Is-servizz tat-taxi huwa popolari wkoll hekk kif 20% tat-turisti qalu li kien il-mezz ewlieni tat-trasport tagħhom.

F’Għawdex, mezzi alternattivi ta’ trasport, inkluż il-mixi, kienu ħafna aktar popolari mis-servizz tal-Linja. Fil-fatt, 41% tat-turisti li għażlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni ewlenija tagħhom, meta mistoqsija dwar il-mezz ewlieni tat-trasport tagħhom, ma għażlu xejn mil-lista pprovduta lilhom.

Kienu 19% tat-turisti li żaru lil Għawdex li għażlu lil tal-linja, filwaqt li 15% wieġbu li użaw il-vettura privata tagħhom.

More in Politika