Il-membri tal-Korp tal-Pulizija se jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-irkant tal-armi tan-nar

L-MPA kienet fetħet kawża kontra l-Kummissarju tal-Pulizija lura fl-2015

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Fi stqarrija, il-Malta Police Association laqgħet b’sodisfazzjon is-sentenza tal-appell maħruġa illum  rigward il-kawża li l-istess Union kienet fetħet kontra l-Kummissarju tal-Pulizija lura fl-2015. 

Lura għas-sena 2015, I-Korp tal-Pulizija kien ħabbar li kien ser jorganiżża rkant ta’ diversi armi tan-nar antiki. F'dan l-irkant seta' jieħu sehem fiħ kulħadd, apparti l-membri preżenti tal-Korp tal-Pulizija. Fid-dawl ta' hekk, l-MPA kienet ħasset li din kienet inġustizzja lejn il-membri tal-Korp, u għalkemm kienu saru diversi tentattivi tad-diskussjoni mal-ammistrazzjoni ta’ dak iż-żmien u kif wkoll mal-awtoritajiet ikkonċernati.

Skont l-MPA qalet li dawn it-talbiet ġew injorati.

"B’hekk l-MPA f’isem il-membri tagħha ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tiftaħ kawża ċivili lil-Kummissarju tal-Pulizija sabiex tiġi eliminata din l-inġustizzja. Wara li l-amministrazzjoni tal-Korp appellat l-ewwel sentenza maħruġa fuq dan il-kaz, illum bi pjaċir ngħidu li grazzi għall-insistenza tal-Malta Police Association ninsabu fil-pożizzjoni li nħabbru li din is-sentenza tal-appell ġiet mirbuħa." 

Għalhekk issa kull membru tal-Korp tal-Pulizija jista' bla problema u xkiel ta’ xejn jieħu sehem f’dan l-irkant, jsir meta jsir. 

Fi tmiem l-istqarrija l-MPA irrigrazzjat lil-avukat Robert Abela u l-ispettur Frank Sammut li dak iż-żmien kien parti mil-eżekuttiv tal-MPA kif ukoll kien min ta' quddiem biex din il-kawza tinfetaħ kif ukoll lill-membri tal-eżekuttiv preċedenti.

More in Politika