Sea-Watch tisħaq li l-immigranti kienu qed jiddefendu lilhom infushom meta ħatfu l-vapur

Johannes Bayer insista li l-Unjoni Ewropea qed tikser il-liġi meta qed tiffinanzja Gwadji tal-Kosta Libjani biex jirritornaw l-immigranti li jsibu

Ritratt | Mill-Arkivji
Ritratt | Mill-Arkivji

Iċ-Ċermen tal-NGO Sea-Watch, Johannes Bayer, saħaq li l-108 persuna li ħadu f’idhom il-bastiment El Hiblu 1 għamlu dan biex jiddefendu lilhom infushom.

L-immigranti ħadu f’idhom il-bastiment li salvahom meta ndunaw li l-ekwipaġġ kien se jeħodhom lura lejn il-Libja u bdew resqin lejn Malta.

Aktar tard, il-Forzi Armati ta’ Malta telgħu abbord il-vapur u wasluh Malta fejn erba’ persuni ġew arrestati.

“Għandna nħarsu lejn dawn il-108 persuna b’umanità u nifhmu li l-azzjonijiet kollha li ħadu lbieraħ ittieħdu biex jiddefendu lilhom infushom mill-konsegwenzi fatali imposti fuqhom mill-politika inumana Ewropea dwar l-fruntieri,” kompla jgħid Bayer

Huwa kompla jisħaq li meta immigranti jiġu rritornati f’pajjiżi fejn hemm ċans kbir li jkunu ppersegwitati huwa att illegali u jikser ukoll il-liġi internazzjonali.

Fi kliemu, l-Unjoni Ewropea qed tikser il-liġi meta qed tiffinanzja lill-gwardji tal-kosta Libjani biex jinterċettaw dgħajjes bl-immigranti u biex jinfurzaw il-bastimenti kummerċjali biex jirritornaw l-immigranti salvati f’idejn l-armata Libjana.

“L-Unjoni Ewropea għandha terfa’ r-responsabbilità talli qed taċċetta l-illegalita, l-inumanita u wara li qed tinjora kontinwament id-drittijiet umani,” kompliet Sea-Watch.

More in Politika