Se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-summiena iżda mhux għall-gamiema

Il-Gvern se jkun qed jitlob diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea biex tinstab soluzzjoni fir-rigward tad-deroga tal-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa

Il-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet li ressaq il-kumitat ORNIS u ħabbar li se jkun qiegħed japplika deroga għall-ftuħ tal-istaġun għall-kaċċa għas-summiena mil-10 sat-30 ta’ April 2019.

Il-kaċċa se tkun permessibbli minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar bi kwota nazzjonali ta’ 5,000 summiena.

Il-Gvern ħabbar li se tkun qiegħda titneħħa l-kwota individwali tal-ġurnata u kif ukoll il-kwota individwali tal-istaġun.

Fir-rigward tal-kaċċa għall-gamiema, il-kumitat ORNIS ma laqax it-talba mressqa mill-FKNK sabiex tiġi applikata deroga biex jinfetaħ l-istaġun matul ir-rebbiegħa tal-2019.

Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li l-popolazzjoni tal-gamiema ġiet klassifikata mill-IUCN li qiegħda fi stat ta’ konservazzjoni vulnerabbli. Fil-fatt, BirdLife Malta kienet saħansitra kitbet lill-Prim Ministru biex dan l-istaġun ma jifetaħtx.

Madanakollu, fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, intqal li l-ORNIS irrakkomanda lill-Gvern biex jibdew diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għat-tul fir-rigward tad-deroga tal-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa.

Dawn id-diskussjonijiet ser ikunu intiżi biex jiġu ddeterminati l-prinicipji li fuqhom tiġi applikata deroga fil-futur għall-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa, hekk kif diġà għamel il-Gvern fejn jidħol l-insib tal-mlievez u l-pluvieri.

More in Politika