Il-Parlament jista' jikber bi 12-il siġġu biex jiġu eletti aktar Deputati nisa

Din hija waħda mill-proposti fid-dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar ir-rappreżentanza ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja pubblika u l-politika

Dalgħodu, il-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika d-dokument li l-għan tiegħi huwa li jwassal għal-leġislazzjoni dwar ir-rappreżentanza ugwali bejn l-irġiel u n-nisa kemm fil-ħajja pubblika u anke f’dik politika.

Fost il-proposti, hemm waħda li tinkludi emendi kostituzzjonali li jippermettu li dak is-sess li jkollu inqas minn 40% tas-siġġijiet Parlamentari jkun intitolat għal 12-il siġġu addizzjonali f’kull elezzjoni. Dan ifisser li l-Parlament jkun jista' jiżdied b'massimu ta' 12-il siġġu li jimtlew bid-Deputati ta' dak is-sess li jkun sotto rappreżentat.

Kieku din il-proposta kellha titħaddem fl-elezzjoni li għaddiet, kien ikun ifisser li n-numru ta’ nisa fil-Parlament kien jitla’ minn 10 għal 22.

Il-mira ta’ din ir-riforma, fost oħrajn, hija li ż-żewġ sessi jiksbu 40% tas-siġġijiet Parlamentari u dan hekk kif mill-1950, 26 mara biss irrappreżentaw lill-poplu fil-Parlament.  

Id-dokument tnieda llum waranofsinhar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Joseph Muscat, mis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli u anke mill-Pro Rettur tal-Università ta’ Malta Carmen Sammut li kienet qed tmexxi l-kumitat tekniku li ħadem fuq din ir-riforma.

Il-Professur Sammut spjegat kif din ir-riforma għandha l-għan li timbotta ‘l quddiem lil dak is-sess li jikseb rappreżentanza ta’ anqas minn 40%.

Il-Pro Rettur kompliet tispjega kif f'każ li jgħaddu s-snin u jkun is-sess maskil li jibda jikseb inqas minn 40% tar-rappreżentanza Parlamentari, l-istess mekkaniżmu ta' 12-il siġġu addizzjonali, jibda jgħodd ukoll għall-irġiel.

"Għalkemm għalissa dawn huma miżuri li japplikaw aktar għan-nisa, jista' jiġi żmien fejn ikun jista' jiskatta wkoll għall-irġiel. Kien hemm oqsma fejn in-nisa kienu lura u llum qegħdin 'il quddiem ħafna," saħqet Sammut.

Iżda dawn is-siġġijiet addizzjonali kif se jkunu magħżula?

Sammut spjegat kif jekk ikun hemm bżonn li jingħataw it-12-il siġġu kollha addizzjonali, sitta jmorru awtomatikament għall-Gvern u sitta jmorru għall-Oppożizzjoni bil-għan li jinżamm il-vantaġġ li partit ikun kiseb fuq ieħor skont ir-rieda tal-elettorat.

Dan il-mekkaniżmu se jagħmel użu minn tliet tipi ta' voti, msejħa "moħlija." (Biex tiġi stabbilita kwota fuq distrett dejjem ikun hemm ħames siġġijiet u wieħed. Dan ifisser li dejjem ikun hemm kandidat li jibqa' mdendel.)

Fil-Parlament se jkun hemm ir-rappreżentanti kollha eletti mill-poplu u l-ebda persuna eletta mill-poplu mhu se jitteħdilha postha bil-mekkaniżmu temporanju propost Il-Prim Ministru Joseph Muscat

Għalhekk, dan il-mekkaniżmu (li jidħol fis-seħħ wara li jkunu ngħaddu l-voti kollha) se jara li jkunu eletti l-ewwel dawk il-kandidati tas-sess sotto rappreżentat  u li jkunu għadhom 'imdendla,' jiġifieri dawk il-kandidati li jkun għad fadlilhom ftit voti biss biex ikunu eletti.

Wara dan, jinfetħu wkoll il-pakketti tal-kandidati 'imdendla' irġiel u jinfetħu u jingħaddu l-voti tan-nisa, li jkunu ħarġu mal-istess partit u fuq l-istess distrett tal-kandidat 'imdendel.' Dan dejjem biex kemm jista' jkun jiġu eletti nisa. (Sa issa dawn il-voti ma kinux jintużaw).

L-istess mekkaniżmu se juża wkoll il-voti 'moħlija' ta' dawk il-kandidati li jkunu ġew eletti f'elezzjoni każwali. S'issa l-pakketti ta' dawk li jitilgħu b'elezzjoni każwali ma jintużawx għax persuna tkun eletta bil-'co-option,' jiġifieri mhux bil-voti tiegħu jew tagħha, iżda bit-tieni, it-tielet u l-voti l-oħra tal-kandidat li jkun ċeda postu.

Għalhekk, dan il-mekkaniżmu qed jipproponi li dawn il-voti jkunu miftuħa bil-għan li bihom ikunu eletti l-kandidati nisa.

Id-dokument jipproponi wkoll li wara 20 sena l-leġislatur jista' jerġa' jirrevedi dan il-mekkaniżmu u jiddeċiedi jekk għandux jinżamm jew le. 

Kummissjoni li taħdem fuq pjan strateġiku dwar il-ġeneru

It-tieni proposta li qed jagħmel dan id-dokument huwa li titwaqqaf kummissjoni li taħdem fuq pjan strateġiku dwar il-ġeneru bil-għan li l-liġijiet tal-pajjiż ikunu qed iħarsu l-ġeneru u l-ugwaljanza.

L-istess pjan strateġiku għandu jaħdem bil-għan li:

  • Jkun hemm rappreżentaza ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-Kumitati Parlamentari
  • L-Parlament japprova politika kontra  d-diskriminazzjoni u l-fastidju sesswali
  • Jkun hemm servizzi ta' nursery għall-kura tat-tfal flimkien ma' kmamar familjari
  • Ikun hemm skeda ta' laqgħat b'ħinijiet addattati għall-parlamentari bil-familja
  • Issir ukoll diskussjoni biex il-bank benchers ikunu jistgħu jaħdmu full-time (kif qed tipproponi l-Kummissjoni Venezja)

Proposta biex aktar nisa jikkontestaw l-elezzjoni 

Id-dokument iħares ukoll lejn proposti bil-għan li aktar nisa jikkonestaw l-elezzjoni. 

Għal dan il-għan, id-dokument jipproponi emenda fl-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti biex jiftaħ it-triq għall-partiti biex ikunu jistgħu japplikaw għal fondi biex jirreklutaw u jħarrġu lin-nisa, dejjem bil-għan li dawn jitħajru aktar joħorġu għall-elezzjoni.

Il-partiti li japplikaw għall-fondi jkunu jridu jippreżentaw rapport annwali u jippreżentawh lill-Kummissjoni Elettorali.

Il-Kummissjoni Elettorali, jkompli jipproponi d-dokument, jeħtieġ issir aktar rappreżentattiva u biex dan isir b'mod immedjat, qed jipproponi li jikber in-numru tal-membri.

Il-Kummissjoni twettaq ukoll awditjar dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru f'dawk il-partiti li jibbenefikaw minn fondi tal-istat u tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha f'rapport annwali.

'Dawn mhux kwoti...ħadd mhu se jieħu post ħadd' - Joseph Muscat

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li dawn il-miżuri, li ddeskrivihom bħala ambizzjużi, mhumiex kwoti għax ħadd mhu se jkun qed jieħu post ħadd.

Fi kliemu, dan il-mekkaniżmu se jżid u mhux inaqqas ir-rappreżentanza u jżid ukoll it-tħaddim demokratiku mingħajt ma jċaħħad lil ħadd mid-drittijiet tiegħu.

"Mhumiex kwoti...ħadd mhux se jieħu post ħadd." qal il-Prim Ministru. "Fil-Parlament se jkun hemm ir-rappreżentanti kollha eletti mill-poplu u l-ebda persuna eletta mill-poplu mhu se jitteħdilha postha bil-mekkaniżmu temporanju propost."

Huwa kompla jispjega kif il-persuni kollha eletti b'dan il-mekkaniżmu se jkunu eletti mill-poplu u mhux magħżula minn xi ħadd ieħor.

"Mhux nitkellmu fuq drittijiet tan-nisa. Qed nitkellmu fuq miżuri pożittivi għas-sess sotto rappreżentat li sa issa dejjem kienu n-nisa," insista l-Prim Ministru. "Minn din id-diversità se jgawdi l-poplu kollu."

'Fiduċjuża li din is-sena se ngħixu mument storiku sabiħ' - Julia Farrugia Portelli

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli saħqet li tinsab ċerta li din is-sena l-pajjiż se jkun qed jgħix mument storiku sabiħ fejn se jkun qed iwarrab fil-ġenb sistema li dejjem żammet lill-mara lura milli tidħol fil-ħajja pubblika u politika.

Min-naħa tagħha, Farrugia Portelli nnutat kif kemm il-ħinijiet tas-seduti Parlamentari u anke l-ħinijiet li fihom isiru l-attivitajiet politiċi huma parti mis-sistema politika li nbniet matul is-snin u li xejn ma tiffavorixxi lill-familja u li żammet lin-nisa lura milli jidħlu fil-ħajja politika.

"Dwar il-ħinijiet fil-Parlament għamilna l-ewwel pass," saħqet is-Segretarju Parlamentari. "Iżda tkellimt ma' Deputati, anke tal-Oppożizzjoni u rajna li dan mhuwiex biżżejjed għax il-Parlament qed jibda nofsiegħa wara li uliedna jaslu mill-iskola....irridu naraw kif l-iskeda fil-Parlament tkun imtejba."

More in Politika