Il-karozzi kollha jridu jibdew jinkludu tagħmir li jidentifika meta sewwieq ikun xurban

Dan fost 30 karatteristika jew sistemi differenti oħra li jridu jkunu introdotti f'vetturi ġodda ta' tipi differenti

Minn Mejju tal-2022, fil-vettura l-ġodda kollha għandhom jiġu installati karatteristiċi ta’ sikurezza bħall-assistenza intelliġenti tal-veloċità u sistema avvanzata ta’ bbrejkjar ta’ emerġenza u anke installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol u sinjal ta' waqfien ta' emerġenza,  fost oħrajn.

Il-leġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea qablu li jiġu introdotti kważi kważi 30 karatteristika jew sistemi differenti f'vetturi ġodda ta' tipi differenti.

Il-maġġoranza tat-teknoloġiji se jsiru obbligatorji f'Mejju 2022 għall-mudelli ġodda (karozzi li għadhom ma ġewx iddisinjati) u minn Mejju 2024 għall-mudelli eżistenti.

Fost it-teknoloġiji l-ġodda, il-vetturi se jkunu jinkludu wkoll twissija awtomatika meta s-sewwieq ikun iddistrat, sistema ta’ emerġenza kontra l-ħruġ mill-karreġġjata u s-sistema ta’ detezzjoni tal-irriversjar.

Regoli ġodda dwar it-testijiet fuq il-karozzi

Apparti minn hekk, fuq talba tal-Parlament, il-vetturi kollha se jkunu mgħammra b'reġistraturi tad-data f'każ ta' inċident, li se jaħżnu data kritika relatata ma' inċident ftit sekondi qabel l-impatt. Se jipprovdu wkoll informazzjoni kruċjali għall-analiżi tal-inċidenti u biex fil-ġejjieni jitnaqqsu l-inċidenti

L-istess regoli, se jtejbu wkoll ir-rekwiżiti dwar it-testijiet tal-ħbit u anke windskrins iddisinjati biex itaffu s-severità tal-korrimenti għall-persuni mexjin fit-triq u ċ-ċiklisti.

L-approvazzjoni tat-tip għat-tajers se titjieb ukoll biex tittestja t-tajers mikulin.

Regoli ġodda fuq it-trakkijiet u l-karozzi tal-linja

Ir-regoli l-ġodda jitrattaw ukoll it-trakkijiet u l-karozzi tal-linji li għandhom jiġu ddisinjati u mibnija biex l-utenti vulnerabbli tat-triq, bħaċ-ċiklisti u l-persuni mexjin fit-triq, ikunu aktar viżibbli għas-sewwieq.

Il-vetturi l-kbar kollha se jkunu mgħammra wkoll b'karatteristiċi avvanzati, bħat-twissija tal-ħbit ma' persuni mexjin u ċiklisti, u s-sistema ta' informazzjoni tal-punti moħbija

Il-ftehim proviżorju għad irid jiġi kkonfermat mill-ambaxxaturi tal-Istati Membri (Coreper) u, fit-2 ta’ April, mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur.

Imbagħad titqiegħed għall-approvazzjoni finali tal-Parlament u tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE.

More in Politika