Daqshekk dawwarna s-siegħa? L-MEPs jaqblu li nieqfu nagħmlu dan fl-2021

Jew il-ħin tas-Sajf jew il-ħin tax-Xitwa ... il-Parlament Ewropew irid li niddeċiedu sal-2021

Inbiddlu l-ħin? Daqshekk wara l-2021, probabilment
Inbiddlu l-ħin? Daqshekk wara l-2021, probabilment

Skont l-abbozz ta' liġi approvat mill-MEPs b'410 vot favur, 192 kontra u 51 astensjoni, il-pajjiżi tal-UE li jiddeċiedu li jżommu l-ħin tas-sajf tagħhom għandhom jagħmlu l-aħħar bidla tal-arloġġ tagħhom fl-aħħar Ħadd ta' Marzu 2021. Dawk li jippreferu jżommu l-ħin standard (tax-xitwa) tagħhom, jistgħu jaġġustaw l-arloġġi tagħhom għall-aħħar darba fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru 2021.

Il-MEPs appoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni biex itemmu l-bidliet fil-ħin staġjonali, iżda vvutaw li jipposponu d-data mill-2019 għall-2021.

Ħarsien tas-suq uniku

L-MEPs jridu wkoll li l-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jikkoordinaw id-deċiżjonijiet biex jiżguraw li l-applikazzjoni tal-ħin tas-sajf f’xi pajjiżi u tal-ħin tax-xitwa f’pajjiżi oħrajn ma tfixkilx is-suq intern.

It-test adottat jgħid li, jekk il-Kummissjoni ssib li l-arranġamenti tal-ħin previsti jistgħu jfixklu b'mod sinifikanti u permanenti, it-tħaddim xieraq tas-suq uniku, hija tista' tressaq proposta biex tipposponi d-data tal-applikazzjoni tad-direttiva b'mhux aktar minn 12-il xahar.

Il-passi li jmiss

It-test adottat huwa l-pożizzjoni tal-Parlament għan-negozjati mal-ministri tal-UE dwar it-test finali tar-regoli.

L-isfond

Bi tweġiba għal inizjattivi taċ-ċittadini, fi Frar 2018, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tivvaluta d-direttiva dwar l-arranġamenti tal-ħin tas-sajf u, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta biex id-direttiva tiġi riveduta.

Wara l-evalwazzjoni, li rċeviet 4.6 miljun tweġiba, li minnhom 84% kienu favur li jintemmu l-aġġustamenti tal-ħin, il-Kummissjoni ressqet il-proposta, li issa jeħtieġ li jkun hemm qbil dwarha bejn il-Parlament u l-ministri tal-UE.

L-ewwel darba li l-UE għaqqdet flimkien l-arranġamenti tal-ħin tas-sajf kien fl-1980, sabiex tiżgura approċċ armonizzat għall-bdil tal-ħin fis-suq uniku billi, sa dakinhar, il-prattiki u l-iskedi nazzjonali tal-ħin tas-sajf kienu diverġenti. Id-direttiva attwali dwar l-arranġamenti dwar il-ħin tas-sajf tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jaqilbu għall-ħin tas-sajf fl-aħħar Ħadd ta' Marzu u lura għall-ħin standard fl-aħħar Ħadd ta' Ottubru.

More in Politika