‘Dejjem nistenna l-qanpiena tal-iskola ddoqq biex tilliberani’

Rapport juri kif dawk li jitilqu mill-iskola kmieni ġeneralment ikollhom inqas flus, inqas sodisfazzjon, ikunu aktar esklużi u jkunu limitati fl-attivitajiet li jistgħu jagħmlu

“Ommi dejjem kienet tiżgura ruħha li mmur l-iskola. Il-lezzjonijiet kienu jgħaddu, kienet iddoqq il-qanpiena u nitlaq. Dejjem kont nara l-aħħar qanpiena bħala l-aqwa ħin tal-ġurnata, ma nistax nemmen li qattajt tant snin nistenna l-istess ħoss biex jilliberani.”

Hekk sostniet mara li ħarġet mill-iskola kmieni u li kienet parti minn studju magħmul biex ikun studjat l-effett tat-tluq mill-iskola jew taħriġ kmieni, qabel il-livell edukattiv post-sekondarju.

Ir-rapport fil-fatt jgħid li dawk li jitilqu mill-iskola jew taħriġ kmieni għandhom iktar ċans li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali, apparti li hemm ċans ikbar li jaqgħu fil-faqar. Ir-rapport sar mill-Professuri Carmel Borg u Milosh Raykov.

Dan ir-rapport jagħti stampa xejn sabiħa tar-riperkussjonijiet fuq persuni li jitilqu mill-iskola jew sistema edukattiva kmieni.

Imma x’qed iwassal lill-istudenti jitilqu mill-iskola?

L-ewwel nett, x’inhuma r-raġunijiet ewlenin li jwasslu persuni jitilqu mill-iskola kmieni? L-aktar raġuni komuni hija l-assenteiżmu u allura nuqqas ta’ attendenza mill-istudenti. Minn dawk li pparteċipaw f’dan l-istudju, 43.5% qalu li telqu minħabba nuqqas ta’ attendenza, bl-istudenti rġiel ikunu f’maġġoranza relattiva ta’ 44%.

It-tieni raġuni ewlenija hija li l-istudenti ma ħasbux illi se jkun daqshekk diffiċli biex jgħaddu mill-eżamijiet (40.5%), segwiti minn dawk li kisbu riżultati ħżiena (38%), dawk li l-iskola m’għoġbithomx (36.6%) u dawk li qalu illi ma setgħux ilaħħqu max-xogħol tal-iskola (32%).

Apparti l-kwistjoni tal-iskejjel issemmew raġunijiet relatati mal-familja, l-aktar dik relatata mat-tqala tat-tfajliet. Fil-fatt kienu b’kollox 27.8% tat-tfajliet li semmew it-tqala bħala raġuni li waqfu mill-iskola, filwaqt li b’kollox 14.4% ta’ dawk kollha li ħadu sehem qalu illi waqfu mill-iskola minħabba kwistjoni ta’ maternità jew paternità.

Intant 27.8% qalu wkoll li kellhom xogħol u din kienet parti mir-raġuni għaliex kellhom jieqfu mill-iskola.

L-effetti negattivi tat-tluq mill-edukazzjoni/taħriġ x’inhuma?

Ir-rapport jgħid illi l-effetti li jħossu dawk li jitilqu mill-edukazzjoni huma bosta. Fost dawn jħossu li huma deprivati soċjalment u ekonomikament, ġeneralment ikollhom aċċess iktar limitat għas-suq tax-xogħol, ikollhom pagi iktar baxxi u nuqqas ta’ impjiegi siguri. Ibatu wkoll minn kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena.

L-istudju juri kif is-sodisfazzjon tal-ħajja jkun bil-wisq ogħla fost dawk li għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni, fil-fatt 8.2 minn kull 10 ta’ dawk li għandhom bejn 18 u 24 sena u li għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni huma kuntenti. Dan jinżel għal 7.4% fost dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni. Jirriżulta l-istess fost dawk il-parteċipanti fl-istudju li għandhom iktar minn 25 sena. 7.3% minn fost dawk b’edukazzjoni għolja huma sodisfatti u 7.1% ta’ dawk b’nuqqas ta’ edukazzjoni kienu sodisfatti, ftit inqas.

Skont ir-rapport, li hawnhekk qed jikkwota l-‘European Quality of Life Survey 2012’, l-esklużjoni soċjali terġa’ tiżdied fost dawk li għandhom livell aktar baxx ta’ edukazzjoni kemm dawk bejn it-18 u l-24 sena kif wkoll fost dawk ta’ aktar minn 25 sena.

Anke f’dak li jirrigwarda l-benesseri psikoloġiċi, dawk li għandhom livell ogħla ta’ edukazzjoni jinsabu fi stat ta’ saħħa mentali aħjar minn dawk b’livell baxx.

Ir-rapport jgħid li dawk li telqu mill-edukazzjoni formali huma inqas kuntenti bl-edukazzjoni u l-impjieg tagħhom, mhumiex kuntenti bil-ħajja soċjali tagħhom u jħossu li huma soċjalment eskluzi.

Kif il-livell ta’ edukazzjoni jiddetermina l-attivitajiet li tagħmel...

Il-livell tal-edukazzjoni, naturalment jagħmel differenza għat-tip ta’ impjieg li jkollok, ġeneralment, kif jgħid dan ir-rapport.

Fil-fatt ir-rapport iħares lejn attivitajiet partikolari u kif dawn jaffetwaw l-istil ta’ għixien ta’ persuna.

Minn fost dawk li ħarġu mis-sistema edukattiva jew ta’ taħriġ kmieni u li pparteċipaw fl-istudju, 78% ma jifilħux għal spiża ta’ tibdil ta’ għamara, filwaqt li 65% ma jifilħux għal spiża ta’ vaganza annwali. Min-naħa l-oħra fost dawk li baqgħu jistudjaw huma 41% li ma jifilħux għal spiża ta’ tibdil ta’ għamara u 13% biss li ma jifilħux għal vaganza annwali.

Minn dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni 47% ma jifilħux għal okkażjoni ta’ soċjalizzazjoni mqar darba f’xahar, persentaġġ li jinżel għal 15% fost dawk li għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni.

U l-istess xejra tirriżulta wkoll fiż-żamma tad-dar sħuna fix-xitwa, xiri ta’ ħwejjeġ u ikla nutrittiva, għall-inqas tliet darbiet f’ ġimgħa.

Imma għalfejn ma jipparteċipawx fl-edukazzjoni?

Illum l-edukazzjoni tista’ teħodha meta trid. Allura x’qed iżomm lin-nies milli jaċċessaw l-edukazzjoni?

Ir-raġunijiet huma validi u differenti. 20% li telqu mill-iskola kmieni qalu li m’għandhomx il-prerekwiżiti neċessarji, 14% qalu li kellhom wisq x’jagħmlu bix-xogħol u ma kellhomx ħin u 4% qalu li ma kellhomx l-appoġġ tal-impjegatur tagħhom.

Min-naħa l-oħra fost dawk illi għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni fost il-parteċipanti, l-akbar problema għall-aċċessibilità kienet l-inkonvenjenza tal-ħin u l-post. Fil-fatt 24% minn dawn qalu li din hija l-akbar problema.

X’inhuma l-akbar fatturi ta’ riskju?

Hemm bosta fatturi ta’ riskju iżda wieħed mir-riskji prinċipali hija l-użu tad-droga.

Fil-fatt minn dawk li jużaw id-droga, jgħid ir-rapport, kienu biss 26% li baqgħu l-iskola filwaqt li 74% attendew l-iskola b’mod irregolari.

Fattur ieħor li jwassal biex studenti jieqfu mill-iskola hija d-diskriminazzjoni hekk kif studenti immigranti ma kinux lesti għall-qafas lingwistiku u akkademiku differenti.

Ħafna drabi l-istudenti huma assoċjati mal-istatus soċjoekonomiku ta’ missierhom, jgħid ukoll ir-rapport.

Malta f’qiegħ il-lista

Sfortunatament f’dan is-suġġett Malta tinsab mal-agħar pajjiżi fl-UE, l-aħħar post fil-fatt.

Fil-fatt bi 17.5% tal-istudenti li jitilqu mill-iskola, pajjiżna għandu t-tieni l-ogħla rata, wara biss Spanja bi 18.3%.

Fil-fatt biex nieħdu idea ta’ x’inhuma l-persentaġġi f’pajjiżi oħrajn fil-Greċja 4.9% tal-istudenti qed jitilqu mill-iskola kmieni, il-Portugall 12%, l-Irlanda 4.7%, l-Olanda 7.4%, il-Belġju 8.6%, il-Ġermanja 10.4%, il-Finlandja 8.4% u l-Islovakkja 9.1%.

Il-medja Ewropea hija 10.7% u l-mira għall-2020 hija 10%. Jiġifieri pajjiżna għad fadallu 7.5% x’jaqdef! Ta’ min wieħed ifakkar illi fis-sena 2000 kienu 54% tal-istudenti li telqu kmieni.

More in Politika