Il-Gvern iwieġeb u jisħaq li l-proġett tal-mina qed jitwettaq bl-akbar reqqa u attenzjoni

L- eżitu preliminari tal-environment impact assessment ikun lest fix-xhur li ġejjin

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, saħaq li l-proġett ta’ konnettività permanenti bejn Malta u Għawdex qed jitwettaq bl-akbar reqqa u attenzjoni u fl-aħjar interess ta’ pajjiżna skont ir-regoli tal-ippjanar u l-ambjent ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija, il-Ministeru rrefera għat-tħassib ta’ għadd ta’ entitajiet dwar dan il-proġett u insista li l-istudji dwar dan l-iżvilupp, li fi kliemu huwa importanti għall-familji Għawdxin, ilhom għaddejin diversi snin.

Filwaqt li fakkar li dan il-proġett “igawdi l-appoġġ u l-mandat demokratiku tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin,” insista li huwa essenzjali sabiex il-familji f’Għawdex igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar, filwaqt li jkollhom l-istess opportunitajiet soċjali u ekonomiċi tal-familji f’Malta.

“Eluf ta’ familji f’Għawdex ilhom snin ibatu minn diffikultajiet f’diversi oqsma tal-ħajja minħabba n-nuqqas ta’ konnessjoni affidabbli u permanenti bejn il-gżejjer Maltin,” saħaq il-Ministeru.

Ilbieraħ, il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja f’Malta appellat lill-Gvern, fi stqarrija twila, biex jippubblika l-istudji kollha dwar l-alternattivi kollha studjati għall- konnettività bejn Malta u Għawdex filwaqt li insistiet li n-nuqqas ta’ titjieb fis-servizzi eżistenti bilfors iżid l-appoġġ għall-mina.

Mhux talli hekk, talli l-istess Kummissjoni insistiet li l-pubbliku qed ikun “magħluf” informazzjoni li mhux sostanzjata b’evidenza pubblikata.

Madanakollu, il-Ministeru insista li l-istudji kollha meħtieġa, fosthom dawk tekniċi, ekonomiċi u ambjentali, saru jew qed jiġu ffinalizzati minn esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet konċernati filwaqt li saħaq li se jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej bħala parti mill-proċess tad-determinazzjoni tal-permessi kollha meħtieġa biex ikun jista’ jibda t-tħaffir tal-mina.

Il-Ministeru kompla jispjega li fis-snin li għaddew, l-ippjanar tal-proġet kien jinkludi ħafna studji, fosthom social impact assessmentcost-benefit analysis u ħafna oħrajn, liema studji qiesu fost oħrajn il-viabilità tal-proġett, l-impatti pożittivi u negattivi li jista’ jkollu fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u oqsma oħra.

“L-environment impact assessment beda f’nofs is sena l-oħra u għandu jkollna eżitu preliminari fix-xhur li ġejjin,” qal il-Ministeru. 

Insista li dawn l-istudji ser ikunu l-bażi li fuqhom issir il-konsultazzjoni pubblika finali, u li skont ir-riżultati tagħhom l-awtoritajiet ser jieħdu d-deċiżjonijiet aħħarin dwar dan l-investiment infrastrutturali.

“Il-Gvern għandu mandat biex iwettaq dan il-proġett, li dwaru hemm qbil ukoll mill-Oppożizzjoni. Għalhekk, ser ikompli għaddej bl-ippjanar tiegħu bl-akbar attenzjoni u bl-aktar mod metikoluż sabiex jiġi żgurat li jitwettaq bl-aktar mod sostenibbli fl-aħjar interess tal-familji u n-negozji f’Għawdex,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika