Il-President tiltaqa' mal-Papa ħmistax qabel it-tmiem tat-terminu tagħha

Il-Papa u l-President tkellmu fuq diversi temi fosthom is-sitwazzjoni fil-Mediterran, partikolarment dwar il-pjaga tal-migrazzjoni

Ħmistax qabel ittemm it-terminu tagħha bħala President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca kellha udjenza privata mal-Papa Franġisku.

Il-Papa u l-President tkellmu fuq diversi temi fosthom is-sitwazzjoni fil-Mediterran, partikolarment dwar il-pjaga tal-migrazzjoni u anke dwar l-importanza li jiżdied id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet differenti.

Il-President fil-fatt ippreżentat lill-Papa kopja tad-dikjarazzjoni nazzjonali għall-armonija bejn ir-reliġjonijiet, iffirmata x-xahar li għadda f’Malta.

Stqarrija tal-Vatikan qalet ukoll li l-Papa u l-President Coleiro Preca tkellmu dwar ir-relazzjonijiet tajba bejn Malta u ll-Vatikan u anke l-kollaborazzjoni bejn l-istat u l-Knisja favur il-progress uman, soċjali, kulturali u spiritwali tal-poplu Malti.

Il-President offriet ukoll lill-Papa diversi prodotti tal-ikel Maltin.

Akkumpanjata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, il-President kellha wkoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan il-Kardinal Pietro Parolin.

Hija tradizzjoni li l-ewwel u l-aħħar żjara li l-President tar-Repubblika jagħmel barra l-pajjiż tkun lill-Belt tal-Vatikan fejn ikollu udjenza privata mal-Papa.

More in Politika