Il-PN jappella lill-Gvern biex jissussidja l-prezz tal-enerġija għall-bdiewa u r-raħħala

Waqt konferenza tal-aħbarijet, kelliema tal-PN qalu li l-bdiewa Maltin qed jiffaċċjaw spejjeż doppji meta wieħed iqabbilhom ma' bdiewa oħra barranin

Waqt konferenza tal-aħbarijet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja Edwin Vassallo u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius, saħqu li l-bdiewa Maltin qed jiffaċċjaw spejjeż doppji meta wieħed iqabbilhom ma' bdiewa oħra barranin.

Matul il-konferenza, il-kelliema tal-PN qalu kif il-bdiewa barranin qedin jixtru tractors minn barra li qed jiġu b'diesel aħmar, immarkat apposta għall-bdiewa u jixtru diesel b'nofs prezz minn Sqallija u dan meta f'Malta jinxtara bid-doppju tal-prezz.

Skont Vassallo u Agius, il-bdiewa barranin qed jixtru d-diesel minn Sqallija b'60ċ meta f'Malta jinxtara b'€1.20.

"Qed tinħoloq sitwazzjoni fejn il-prodott barrani għandu vantaġġ kbir fuq il-prodott Malti lokali bil-konsegwenza li qed jiġi impurtat 70% tal-frott u ħaxix,” qal Vassallo waqt li spjega li l-bdiewa qegħdin jaffaċċjaw l-istess sitwazzjoni fuq il-prezz u l-varjetà tal-bexx.

Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista saħaq li se jkun qed jagħmel pressjoni u se jkun qed jixpruna lill-Gvern sabiex tiġi mnedija skema ta' sussidju dirett fuq l-enerġija għall-bdiewa u r-raħħala, bil-għan li l-enerġija kollha li jikkonsmaw jingħatalhom b’nofs prezz.

Vassallo kompla jisħaq li jekk ifalli l-bidwi Malti se jispiċċa biex ibati kulħadd, kemm direttament fil-prezz tal-ħaxix, frott u laħam għax il-prodott barrani jibda jgħolli l-prezz, u anke fil-kwalità tal-ikel tal-familji Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, Peter Agius qal li f'taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea ngħata l-konferma li kull pajjiż għandu d-dritt li jagħti diesel sussidjat lill-bdiewa u raħħala. Huwa qal li l-Kummissjoni kkonfermat ukoll li kważi l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jagħtu xi tip ta' sussidju, jew fl-elettriku jew diesel iżda f'Malta dan mhux qed isir.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, il-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius, attendew ukoll is-Sindku tal-Imġarr Paul Vella, s-Sindku tas-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit u l-Kunsillier fil-Kunsill Lokali ta' Birkirkara Antoine Attard.

More in Politika