Il-Birdlife topponi l-proposta biex l-Gvern jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fuq il-gamiem

Tgħid li Joseph Muscat wera' rieda tajba biżżejjed lill-kaċċaturi meta għen biex intrebaħ ir-referendum, ippermetta sigħat itwal ta' kaċċa u reġa fetaħ l-istaġun tal-kaċċa tar-Rebbiegħa

Il-Konferenza tal-aħbarijiet mill-Birdlife Malta
Il-Konferenza tal-aħbarijiet mill-Birdlife Malta

BirdLife Malta qed topponi bil-qawwa s-suġġeriment tal-għaqdiet tal-kaċċaturi li l-Gvern jiftaħ staġun tal-kaċċa għall-Gamiem tul ir-rebbiegħa.

Ftit biss qabel il-laqgħa tal-Kumitat Ornis dwar dan is-suġġett li hija skedata għal-lum waranofsinhar, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ilbieraħ ħarġet stqarrija u ssottomettiet rapport biex tipproponi t-tneħħija tal-moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiem fir-rebbiegħa.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret aktar kmieni llum b’reazzjoni għall-istqarrija tal-FKNK li ntbagħtet lill-midja, BirdLife Malta spjegat għalfejn il-konklużjoni li “lkaċċa għall-Gamiem tul ir-rebbiegħa m’għandha l-ebda effett fuq il-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi vulnerabbli” ma treġix. 

L-ewwelnett, sostniet il-Birdlife, l-argument li l-kaċċa għall-Gamiem tul ir-rebbiegħa m’għandhiex impatt negattiv fuq l-ispeċi mhux qed jiġi ppruvat mill-FKNK. "Ir-responsabbiltà li tipprova dan taqa’ kompletament fuq spallejn l-FKNK li mhi qed tipprovdi l-ebda provi xjentifiċi. Għall-kuntrarju d-dokument tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ispecies Action Plan li għandu l-għan li jsalva lill-Gamiema jirrikonoxxi li l-kaċċa hija kaġun li din l-ispeċi qed tonqos, u aktar minn hekk l-istess pjan jitlob projbizzjoni fuq il-kaċċa għal dan l-għasfur madwar l-Ewropa kollha sabiex l-ispeċi tkun tista’ tirkupra." 

"Irrispettivament minn dan kollu, sentejn mhumiex perjodu twil biżżejjed biex ikun stabbilit jekk moratorju fir-rebbiegħa jistax ikollu effett pożittiv fuq l-istatus tal-Gamiema, speċjalment meta l-moratorju tas-sena li għaddiet kien noneżistenti b’eluf ta’ Gamiem jinqatlu tul l-istaġun tal-kaċċa firrebbiegħa. L-istaġun tal-2018 serva biss bħala paraventu għax il-Gvern għażel li jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-Summien tul l-eqqel tal-passa tal-Gamiem."

L-FKNK qed titlob lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex juri rieda politika favur il-kaċċaturi. Imma l-Birdlife ssostni li Muscat diġà wera r-rieda tiegħu mill-ewwel ġurnata, meta għen biex jintrebaħ ir-referendum, meta ppermetta sigħat itwal għall-kaċċa fil-ħarifa, u meta fetaħ staġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa fl-eqqel tal-passa tal-Gamiem sabiex il-kaċċaturi jkunu jistgħu jisparaw fuq din l-ispeċi vulnerabbli.

"Wieħed ma jistax jinsa lanqas li l-Prim Ministru Muscat reġa’ introduċa staġuni tal-insib għall-għasafar tal-għana li wasslu biss biex Malta nstabet ħatja mill-Qorti Ewropea talĠustizzja li kisret id-Direttiva Ewropa tal-Għasafar u kienet ordnata twaqqaf din il-prattika." 

 Il-Birdlife sostniet li dak li qed jitolb imur kontra l-protokoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE) għax il-Kummissjoni m’għandha qatt taqbel fuq derogi minn qabel.

"Minkejja f’dan, aħna fiduċjużi li l-UE mhix se tippermetti dan u jekk Malta tiftaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiem terġa’ tispiċċa quddiem il-qorti b’miżura temporanja imposta fuqha sabiex twaqqaf il-kaċċa firrebbiegħa sakemm jiġi deċiż il-każ." 

"Kuntrarju għal dak li qed tgħid l-FKNK, l-illegalitajiet f’Malta qed jiżdiedu – l-2018 kienet l-agħar sena fl-aħħar sitt snin għal dak li għandu x’jaqsam mal-qtil illegali ta’ tajr protett," qalet il-Birdlife.  

More in Politika