Il-PN iressaq 30 proposta għall-ġlieda kontra l-kanċer

Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista għandu track record mill-aqwa fil-kura tal-kanċer permezz tal-introduzzjoni tal-iscreening tal-kanċer tas-sider u tal-musrana fost l-oħrajn

Il-PN iressaq 30 proposta dwar il-kanċer ....
Il-PN iressaq 30 proposta dwar il-kanċer ....

Il-Partit Nazzjonalista qed iressaq 'il quddiem it-30 proposta biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer.

Dawn l-proposti, li jinkludu dawk li diġà tressqu fil-ġranet li għaddew, huma miġbura f'dokument u huma bbażati fuq ħidma li hemm bżonn issir f'livell lokali, nazzjonali u Ewropew. It-30 proposta jittrattaw sitt temi: il-prevenzjoni u dijanjosi bikrija, ir-riċerka, l-kancer rari inkluż dak fost it-tfal, kura tal-ogħla kwalità, riżorsi u infrastruttura kif ukoll aspetti ta' governanza. Id-dokument bil-proposti ġie ppreżentat waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-isptar Mater Dei mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u l-MEP Francis Zammit Dimech.

Mill-proposti ewlenin, l-Partit Nazzjonlista jrid li jkun hemm aktar investiment favur il-ħajja sana, li nikkunsidraw li jkun hemm population based screening tal-kanċer tal-prostata kif ukoll aktar kampanji nazzjonali ta' għarfien biex titjieb ir-rata tal-parteċipazzjoni fil-programmi ta' screening. Jeħtieġ ukoll aktar investiment fir-riċerka speċjalment permezz ta' fondi Ewropej fuq il-kanċer li jolqot lit-tfal. Proposta oħra tirrigwardja l-mod kif l-Unjoni Ewropea tinċentiva aktar investiment biex tiġi żviluppata mediċina għall-kanċer li jolqot lit-tfal kif ukoll użu akbar tal-European Reference Networks madwar l-Ewropa.

Fil-kura l-Partit Nazzjonalista jrid aktar tisħiħ tal-pazjent, għajnuna psikoloġiku lill-pazjenti speċjalment lit-tfal, u li nassistu lill-pazjenti jipparteċipaw fi provi kliniċi internazzjonali. Proposta oħra tirrigwardja aktar investiment fil-Breast Clinic, li kiseb riżultati tal-ogħla kwalità, aqwa minn pajjiżi Ewropej oħra kif ukoll li jkun hemm young adults section fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Fejn tidħol governanza, l-PN qed jipproponi involviment akbar tal-pazjenti u tal-għaqdiet kif ukoll skambju ta' informazzjoni permezz tar-reġistri tal-kanċer bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropa. Dan jista' jwassal sabiex jittieħdu deċiżjonijiet fil-pront mill-policy makers. Jeħtieġ ukoll li Malta tiffirma l-Konvenzjoni Ewropea tal-Bijoetika tal-Kunsill tal-Ewropa li tagħti aktar drittijiet lill-pazjenti u lil dawk li jkunu qed jagħmlu r-riċerka tal-kanċer. Huwa qal li fejn jeżisti tilqim biex il-kanċer jiġi evitat, din għandha tkun aċċessibbli għal aktar persuni.

Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista għandu track record mill-aqwa fil-kura tal-kanċer permezz tal-introduzzjoni tal-iscreening tal-kanċer tas-sider u tal-musrana fost l-oħrajn. Huwa qal li mill-Oppożizzjoni, l-PN se jkompli jaħdem biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer, biex din il-marda tingħeleb. Għalhekk qed jitressaq dan id-dokumenti bi proposti studjati u konkreti biex ingawdu l-frott tal-mira li l-pajjiżi Ewropej u madwar id-dinja negħlbu flimkien lill-kanċer fis-snin li ġejjin. 

Francis Zammit Dimech qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta dan id-dokument bil-proposti għaliex jemmen li nistgħu nsaħħu l-ġlieda biex ngħelbu l-kanċer. Huwa qal li matul dawn l-aħħar xhur kellu laqgħat f'Malta u Brussell fuq il-kanċer, u oħrajn ma' stakeholders fosthom professjonisti, pazjenti, riċerkaturi u għaqdiet tal-kanċer fejn iddiskuta fid-dettal il-proposti konkreti li qed jitressqu mill-Partit Nazzjonalista

 Id-dokument sħiħ bil-proposti tal-PN biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer jista' jitniżżel minn din il-link: https://bit.ly/2F91ti5

 

More in Politika