Il-Ministru Justyne Caruana tħabbar xogħol fuq 50 Triq f’Għawdex

Il-Ministru Caruana qalet li għaddej xogħol fuq toroq madwar Għawdex kollu u ġew ippubblikati tenders għall-toroq oħra

Il-Ministru Justyne Caruana waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fi Triw il-Ħamrija, Xewkija
Il-Ministru Justyne Caruana waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fi Triw il-Ħamrija, Xewkija

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret diversi inizjattivi infrastrutturali waqt żjara li għamlet fi Triq il-Ħamrija fix-Xewkija, liema triq qed tinbena mill-ġdid.

Il-Ministru Caruana qalet li għaddej xogħol fuq toroq madwar Għawdex kollu u ġew ippubblikati tenders għall-toroq oħra fosthom Triq l-Imgħallem u Triq ta’ Wara s-Sur fil-Belt Victoria u Triq iż-Żewwieqa fil-Qala. Il-Ministru Caruana qalet li dawn it-toroq intgħażlu wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-kunsilli lokali Għawdxin biex ikun hemm prijoritizzazzjoni skont il-ħtieġa.

Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-bini mill-ġdid tat-toroq ma jinkludix biss kisja bit-tarmak iżda anke il-bini tal-pedamenti, bdil jew introduzzjoni tas-servizzi u l-bini ta’ bankini aktar aċċessibbli. Flimkien max-xogħol, għaddej ukoll eżerċizzju ta’ immaniġġjar tat-traffiku biex inaqqsu l-inkonvenjent, il-konġestjoni u b’hekk ikollna inqas tniġġis tal-arja. “Ninsab kuntenta li r-residenti u kull min jagħmel użu minn din it-triq u minn dawk it-toroq li bħalissa qed isir xogħol fuqhom, ser ikollhom toroq aħjar, aktar siguri u ser ikunu qed jgħixu f’ambjent aktar xieraq hekk kif jixraq lil kull familja, resident u min iżur lil Għawdex” qalet il-Ministru Caruana.

Hija qalet li ‘Proġett Għawdex’ ta bidu għall-bini mill-ġdid ta’ 50 triq, ħafna minnhom residenzjali, mifrux madwar il-gżira kollha fejn kull belt u raħal qed igawdi minn din l-inizjattiva u b’hekk qed tiġi imwettqa wegħda ewlenija ta’ dan il-Gvern. Il-Ministru għal Għawdex sostniet li “nesieġu xogħol ta’ kwalità b’rispett lejn it-time frames maqbula bejn in-nies tekniċi u dan biex innaqsu l-inkonvenjent lir-residenti u lil kull min jagħmel użu mit-toroq.”

Il-Ministru Caruana qalet li dan il-programm ta’ toroq ser ikun qed jindirizza wkoll toroq arterjali kif ukoll qed jiġi preparat iċ-ċiklu li jmiss għal numru ta’ toroq oħra fejn aktar dettalji ser jingħataw aktar ’il quddiem.

 

More in Politika