Malta rrifjutat żewġ ajruplani Boeing 737 Max ... niżlu t-Tuneżija

Espert fl-avjazzjoni jgħid li l-projbizzjoni tal-ajruplan huwa pass bla preċedent

Din il-gazzetta tinsab infurmata li dakinhar stess li numru ta’ pajjiżi għalqu l-ispazju tal-ajru għall-ajruplani kollha tat-tip Boeing 737 MAX (737-8 u 737-9), Malta rrifjutat l-inżul ta’ żewġ ajruplani ta’ dan it-tip. Dan ifisser illi pajjiżna kien wieħed minn tal-ewwel li fil-prattika rrifjuta d-dħul ta’ ajruplani ta’ dan it-tip fl-ispazju tal-ajru tiegħu.

It-titjiriet kienu ġejjin minn Cape Verde, gżejjer fil-Punent tal-kontinent Afrikan, u kienu ddestinati lejn Praga.

Is-sorsi esperti fl-avjazzjoni li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi sussegwentement l-ajruplani kellhom jinżlu t-Tuneżija.

Il-Boeing 737 MAX mhux qed jitħallew jinżlu f’diversi pajjiżi wara inċident tal-Ethiopia Airlines li ra 157 persuna titlef ħajjitha hekk kif l-ajruplan “sparixxa” ftit minuti biss wara li kien telaq mill-ajruport ta’ Addis Ababa, il-kapitali tal-Etjopja.

Dan l-inċident jiġi wkoll ħames xhur wara li ajruplan tal-istess mudell baqa’ nieżel fil-baħar Java, ftit wara li telaq mill-Ajruport ta’ Jakarta, bil-konsegwenza li mietu 189 persuna.

Espert fl-avjazzjoni jgħid li l-projbizzjoni ta’ din il-ġimgħa hija bla preċedent

Mhux kulħadd fl-industrija tal-avjazzjoni jaqbel ma’ dan il-pass jew mal-mod kif ittieħed, speċjalment għaliex għadu mhux ċar x’ġara f’dan l-aħħar każ u allura iktar u iktar għad m’hemm ebda konnessjoni b’saħħitha biżżejjed bejn l-inċident f’Jakarta u dak t’issa fl-Etjopja.

“Hemm min qed jgħid li deher xi duħħan. Kieku huwa hekk, ikun ifisser li hemm differenza bejn l-inċident ta’ qabel u dak ta' issa.”

“Hemm tipi ta’ ajruplani li kellhom iktar imwiet minn dan,” jinsisti qabel ifakkar kif darba l-ajruplan tat-tip 787 kellu problema wkoll minħabba batterija u kien ordnat biss biex ma jtirx sakemm tinbidel il-batterija.”

Imma mhux aħjar prekawzzjoni, anke jekk estrema? Is-sors fil-qasam tal-avjazzjoni jaqbel li għandna nieħdu prekawzjoni għalkemm ifakkar illi wieħed jeħtieġ iqis ukoll li deċiżjoni bħal din li se taffetwa madwar 400 ajruplan u allura mijiet ta’ impjiegi wkoll.

Fil-fatt nhar it-Tlieta, l-Amminstrazzjoni għall-Avjazzjoni Federali (FAA) sostniet illi minkejja rapporti illi hemm similaritajiet bejn iż-żewġ inċidenti, “l-investigazzjoni għadha tibda u sa issa għad m’għandniex informazzjoni biex naslu għal xi forma ta’ konklużjoni.”

L-Aġenzija fakkret, anke fid-dawl ta’ biża’ minn ħafna passiġġieri, illi minn mindu seħħ l-inċident ta’ Jakarta, ippubblikat Direttiva ta’ Emerġenza dwar l-“Airworthiness” tal-ajruplani inkwistjoni, ivvaliditat manutenzjoni u tibdiliet li saru fuq dan it-tip ta’ ajruplan u wettqet diversi sessjonijiet ta’ simulazzjoni biex ikunu vverifikati l-operazzjonijiet proċedurali, fost oħrajn.

Minkejja dan, il-European Union for Aviation Safety Agency (EASA) saħqet illi minkejja li l-investigazzjonijiet għadhom fi stat bikri, ma jistax ikun eskluż li l-kawżi bejn l-inċident ta’ Ottubru u ta’ issa huma l-istess. L-Aġenzija qalet illi dan l-avviż huwa temporanju u aktar azzjoni hija mistennija tittieħed fiż-żmien li ġej.

Wara diversi pajjiżi, anke l-Istati Uniti għalqet l-ispazju tal-ajru għal dawn it-tip ta’ ajruplani.

Is-sors li tkellem ma’ din il-gazzetta sostna illi din hija l-ewwel darba li qatt kien hemm ordni ta’ din it-tip fuq tant ajruplani.

Fil-fatt b’kollox hawn 387 ajruplan ta’ dan it-tip madwar id-dinja u 74 ajruplan irreġistrati fl-Istati Uniti.

Liema linji tal-ajru għandhom Boeing 737 MAX?

9 Air, Aerolineas Argentinas, Aeromexico, Air Canada, Air China, Air Fiji, AIR ITALY S.P.A., American Airlines, Arkefly, Britannia Airways AB, Cayman Airways, China Eastern Airlines, China Southern Airlines, Comair, COPA Airlines, Corendon Airlines, Eastar Jet, Enter Air Sp. Z O.O., Ethiopian Airlines, Fertitta Enterprises, Inc., flydubai, Fuzhou Airlines Co., Ltd, Garuda Indonesia, Gol Linhas Aereas S.A., Hainan Airlines, Icelandair, Jet Airways, Jet Aviation Business Jets, JSC Aircompany SCAT, Kunming Airlines, Lion Air, Globus Airlines, LOT Polish Airlines, Lucky Air, Mauritania Airlines, Mongolian Airlines MIAT, Norwegian Air International Lt, Norwegian Air Norway, Norwegian Air Shuttle AS, Norwegian Air Sweden, Okay Airways Company Limited, Oman Air, Qatar Airways, Royal Air Maroc, Shandong Airlines, Shanghai Airlines, Shenzhen Airlines, SilkAir, Smartwings, Southwest Airlines, SpiceJet, Sunwing Airlines Inc., Thai Lion, TUI Airlines Belgium, TUI Airways, Turkish Airlines (THY), United Airlines, WestJet, Xiamen Airlines

More in Politika