Ajruplan tal-kumpanija Boeing jagħmel inżul ta' emerġenza wara ħsara fil-magna

Dan l-ajruplan huwa tat-tip Boeing 737-800, differenti mill-ajruplani tat-tip Boeing 737 Max li Malta u pajjiżi oħra għalqu l-ispazju tal-ajru għalihom

Ma tantx huwa żmien feliċi għall-kumpanija tal-manifattura tal-ajruplani Boeing hekk kif wara l-kontroversja sħiħa fuq l-ajruplani tat-tip Boeing 737 Max illum kien imiss ajruplan Boeing 737-800 li kien sfurzat jagħmel inżul ta’ emerġenza wara ħsarat fil-magna.

L-ajruplan kien dirett għall-Moska meta kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza f’belt oħra Russa.

It-titjira kellha fuqha 157 passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ

Skont siti tal-aħbarijiet internazzjonali, waħda mill-magni tal-ajruplan waqfet taħdem f’nofs titjira.

Fl-aħħar jiem, diversi pajjiżi, fosthom Malta, għalqu l-ispazju tal-ajru għall-ajruplani tat-tip Boeing 737 MAX (tip differenti minn dan l-ajruplan li kellu jagħmel inżul ta' emerġenza).

Dan wara li fl-Etjopja il-Boeing 737 MAX 8 "sparixxa" mir-radars sitt minuti biss wara li kien telaq minn Addis Ababa, l-Kapitali tal-pajjiż. Dan l-arjuplan kien qed iġorr 149 passiġġier u tmien membri tal-ekwipaġġ li lkoll tilfu ħajjithom.

F'Ottubru tas-sena l-oħra, ajruplan ieħor tal-istess tip spiċċa fuq il-kosta Indoneżjana. Il-189 persuna kollha li kienu abbord tilfu ħajjithom.

Ir-raġunijiet għall-inċident fl-Etjopja għadhom mhux magħrufin, għalkemm il-kap Eżekuttiv ta' Boeing Dennis Muilenberg qal li l-kumpanija "se titgħallem minn dan l-inċident u ttejjeb s-sigurta."

More in Politika