Il-Parlament Ingliż se jerġa' jivvota...din id-darba dwar jekk Brexit għandux ikun pospost

Wara l-vot tal-bieraħ kontra Brexit bla ftehim u mifhum li l-Parlament Ingliż se jaqbel li Brexit ikun pospost

Il-Parlament Ingliż illum se jkun qed jerġa’ jivvota dwar jekk għandux jitlob lill-Unjoni Ewropea biex Brexit ikun pospost b’xahrejn hekk kif dan hu ppjanat li jseħħ fid-29 ta’ Marzu li ġej.

Dan wara li lbieraħ, il-Parlament ivvota kontra Brexit bla ftehim taħt kwalunkwe ċirkostanza.

Apparti minn hekk, il-Prim Ministru Ingliz Theresa May mistennija terġa’ tipprova ssalva l-ftehim li hi laħqet mal-Unjoni Ewropea u dan hekk kif huwa previst vot ieħor dwaru l-ġimgħa d-dieħla.

May qed tibqa’ tinsisti li l-ftehim tagħha, li għal darbtejn kien irrifjutat b’vot qawwi tal-Parlament Ingliż, huwa l-uniku ftehim possibbli u l-aħjar wieħed għar-Renju Unit.

Min-naħa tagħha l-Unjoni Ewropea ma ċċaqalqitx mill-pożizzjoni tagħha u qed tibqa’ tisħaq li mhux lesta terġa’ tiftaħ in-negozjati.

Il-Gvern Ingliż qal li Brexit jista’ jkun pospost bi ftit iżda jista’ jdum ħafna aktar ma jseħħ u dan skont jekk il-Parlament japprovax il-ftehim milħuq mal-Unjoni Ewropea.

Il-vot se jkun qed jittieħed żgur qabel l-20 ta’ Marzu, ġurnata qabel is-summit li jmiss tal-Unjoni Ewropea.

Jekk il-Parlament Ingliż japprova l-ftehim, Brexit ikun pospost biss sat-30 ta’ Ġunju.

Madanakollu, Theresa May wissiet li jekk il-ftehim jerġa’ ma jkunx approvat għat-tielet darba, ir-Renju Unit se jkollu bżonn estensjoni akbar, ġaladarba lbieraħ ivvota li ma jridx jitlaq mingħajr ftehim.

Dan ikun ifisser ukoll li r-Renju Unit ikollu jieħu sehem fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej.

More in Politika