Casa jisħaq li l-awtoritajiet Maltin ma tawx viża lit-tarbija ta' ġurnalista Torka li ġejja Malta

Il-ġurnalista investigattiva kellha tiġi Malta mal-familja tagħha hekk kif nhar is-Sibt se tattendi attività tas-soċjetà ċivili u tindirizza l-vġili għal Daphne Caruana Galizia

David Casa flimkien mal-ġurnalista Torka
David Casa flimkien mal-ġurnalista Torka

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, saħaq li l-familja tal-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker ma ngħatatx visa mill-awtoritajiet Maltin għat-tarbija tagħha.

Nhar is-Sibt li ġej, flimkien mar-raġel u t-tarbija tagħha, Pelin Ünker kienet se tattendi attività mas-soċjetà ċivili kif ukoll il-vġili ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, Casa saħaq li ċ-ċaħda tal-visa waslet biex titfixkel iż-żjara ta’ Ünker f’Malta anke jekk se tkun qed tattendi waħedha għal ftit sigħat biex titkellem waqt il-vġili ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Dan il-Gvern ma sabx diffikultà jagħti eluf ta’ viża lil ċittadini Alġerini u Libjani, b’allegazzjonijiet serji fuqhom, kif ukoll lil mijiet ta’ ħaddiema Torok fil-qasam tal-kostruzzjoni. Imma għandu problema ma’ tarbija ta’ ġurnalista. Tal-mistħija,” kiteb David Casa.

Bħalissa, Pelin Ünker qed tistenna l-qorti Torka biex tiddetermina jekk tikkonfermax is-sentenza ta’ 13-il xahar ħabs, għaliex ippubblikat fatti mill-Paradise Papers dwar qraba ta’ politiċi fl-ogħla livell tal-poter.

Hi se tiġi Malta nhar is-Sibt wara li David Casa, li mar jiltaqa’ magħha u t-tim legali tagħha f’Istanbul, stedinha biex tiġi u tiltaqa’ mal-attivisti tas-soċjetà ċivili.

Meta lbieraħ kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew, David Casa għamel appell lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jinsistu mal-awtoritajiet Torok biex iwaqqgħu l-akkużi kontra Pelin Ünker.

Il-Gvern jgħid li l-akkużi ta' Casa huma infondati ...

Il-Gvern iżda minn naħa tiegħu saħaq illi l-allegazzjonijiet ta' Casa huma totalment infondati.

"Ms Unker fil-fatt ingħata viża u tista' tiġi Malta għall-attività li għandha tindirizza.@

 

More in Politika