Analiżi | Distakk ta’ madwar 50,000 u kif Delia se jġib lura eluf ta’ voti sa Mejju

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aħħar seba’ sondaġġi tal-Mediatoday u tħares lejn in-numri li qed jitlef il-PN, kif qed jitlifhom, il-prospetti tal-partit għal Mejju u kif inħadem id-distakk ta’ 51,000 vot fl-aħħar stħarriġ...

L-opinjoni pubblika hija importanti ħafna biex partit ikun fil-gvern u allura s-sondaġġi qed joħorġu b’aktar frekwenza minn qabel, mhux biss meta tkun ġejja xi elezzjoni imma wkoll matul il-leġiżlatura.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna tat ħarsa lejn l-opinjoni pubblika permezz ta’ sondaġġi kważi kull xahar fl-aħħar xhur u huma dawn flimkien li jagħtuna stampa iktar ċara ta’ fejn jinsabu ż-żewġ partiti.

Din il-gazzetta għalhekk qed tagħti ħarsa partikolari lejn in-numri f’dak li għandu x’jaqsam il-Partit Nazzjonalista. Il-voti li qed jitlef, kemm qed jitlef u kemm irid jirbaħ biex tal-anqas jerġa’ jkun parti mil-logħba elettorali u jidħol fiċ-ċans li jnaqqas id-distakk bejnu u l-Partit Laburista.

 ‘Partit’ ta’ Nazzjonalisti orfni ...

L-aktar aspett interessanti li jirriżulta meta tħares lejn is-sondaġġ mil-lat ta’ numri minflok persentaġġi huwa illi hemm eluf ta’ nies li fl-2017 ivvutaw PN imma li llum qed jgħidu li m’għandhomx fiduċja f’Delia.

Fl-2017, 135,696 persuna vvotaw lill-Partit Nazzjonalista.

Minn dawn f’Awwissu 34.3% jew 46,543 qalu illi kellhom fiduċja f’Adrian Delia. L-oħrajn jew m’għandhomx fiduċja fih jew inkella ma kinux kapaċi jwieġbu jew inkella saħansitra qalu li għandhom iktar fiduċja f’Joseph Muscat.

Fl-istess stħarriġ li kien sar dakinhar iżda 55.1% tal-istess Nazzjonalisti li vvutaw fl-2017 qalu li jerġgħu jivvutaw lill-partit kieku kellha ssir elezzjoni dakinhar. Dan juri differenza kbira li tiġi kkalkuata għal 28,225 persuna li f’Awwissu qalu li se jivvutaw PN iżda ma qalux li għandhom fiduċja f’Delia.

Dan in-numru ta’ nies, li nistgħu nsejħulu grupp ta’ Nazzjonalisti mhux “ma’ Delia” kiber u ċkien fl-aħħar sitt xhur billi tela’, niżel u laħaq il-quċċata fl-aħħar sondaġġ.

Fil-fatt id-differenza fil-persentaġġi bejn dawk li għandhom fiduċja f’Delia u dawk li lesti jivvutaw PN huma hekk; Settembru: 24,289, Ottubru reġa’ tela’ għal 30,531 biex imbagħad f’Novembru d-differenzi naqsu b’mod drastiku u kien hemm 6,920 persuna biss f’differenza bejn dawk li jafdaw lil Delia u dawk li kienu lesti jivvutaw PN kieku kellha ssir elezzjoni dakinhar. Dakinhar kienu 17.8% biss tal-parteċipanti li qalu illi lesti jivvutaw PN, b’44.7% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 jgħidu li jafdaw aktar lil Delia u 49.8% jgħidu li lesti jivvutaw PN.

Fl-istħarriġ ta’ Diċembru u Jannar, id-differenza baqgħet madwar 14,500 biex fl-aħħar stħarriġ id-differenza laħqet rekord ta’ 40,000 hekk kif 68.4% ta’ dawk li vvutaw PN fl-2017 qalu li lesti jagħmlu l-istess illum, filwaqt li 38.9% minnhom biss qalu li jafdaw lil Delia aktar minn Muscat.

‘Switchers’ ġodda ...

Fl-2008 kien hemm l-ewwel mewġa, anke jekk żgħira ta’ switchers mill-PN għall-PL. Fl-2009 iżda u allura l-ewwel elezzjoni ta’ Joseph Muscat kien hemm l-ewwel mewġa enormi ta’ switchers kontra l-PN u favur il-Labour. F’dik l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-PL kien rebaħ b’distakk ta’ 35,431. Fl-2017, il-PL ġab 35,280 vot aktar mill-voti tal-PN u allura kważi 40,000 aktar mill-PN u l-PD flimkien.

Issa jekk inħarsu lejn dawn l-aħħar seba’ sondaġġi naraw illi hemm persentaġġ ta’ votanti Nazzjonalisti fl-2017 li mill-ġdid qalu li lesti jivvutaw PL kieku kellha ssir elezzjoni meta kienu qed jipparteċipaw.

F’Awwissu dan l-ammont kien tela’ għal 21.2% jew 28,767 vot Nazzjonalist fl-2017. Iżda din kienet l-unika darba li dan l-ammont tela’ daqshekk u meta tħares lejn dan il-grupp ta’ votanti, il-persentaġġ jitla’ u jinżel sa massimu ta’ 5% f’Marzu (6,784) u minimu ta’ 1.6% fi Frar (2,171).

Potenzjal li l-PN jitlef aktar għal Muscat

Minkejja allura li l-ammonti ta’ switchers lejn il-PL huma żgħar wieħed jeħtieġ jieħu żewġ kunsiderazzjonijiet.

L-ewwel nett; kull vot tal-PN fl-2017 se jonqos minn sitwazzjoni fejn id-distakk kien diġà kbir ħafna.

It-tieni kunsiderazzjoni hija illi fl-istess stħarriġ, persentaġġi konsiderevoli ta’ votanti Nazzjonalisti qalu illi għandhom iktar fiduċja f’Muscat milli f’Delia. Hawnhekk l-ammonti jvarjaw ħafna għalkemm ħlief għal darba dejjem kien bejn minimu ta’ 7% u sa mhux iktar minn massimu ta’ 10%.

F’Settembru, 9.4% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 jew inkella 12,755 qalu li jafdaw aktar lil Muscat, f’Ottubru 7.8% (10,584), f’Novembru 8% (10,855), f’Diċembru niżel għal 2.6%  (3,528) biex imbagħad reġa’ tela’ għal 9.3% (12,619), fi Frar 9.8% (13,298) u f’Marzu 9.8% (13,298).

Dan juri allura illi l-potenzjal li l-PN inaqqas il-voti jerġa’ jogħla u dan għaliex il-persentaġġ ta’ Nazzjonalisti li qed jgħidu li jafdaw lil Muscat aktar minn Delia huwa ogħla minn dawk in-Nazzjonalisti li qed jgħidu li jivvutaw PL, kważi dejjem.

F’Settembru, 9.4% qalu li għandhom aktar fiduċja f’Muscat imma 4.3% qalu li se jivvutaw PL (jiġifieri 5.1% jafdaw aktar lil Muscat imma mhux sal-punt li jivvutaw PL). F’Ottubru Muscat kellu l-fiduċja ta’ 7.8% tan-Nazzjonalisti, imma 2% biss qalu li se jivvutaw PL, f’Novembru 8% qalu li jafdaw lil Muscat imma 1.9% kienu lesti jivvutaw PL.

Diċembru kien l-uniku xahar fejn iż-żewġ numri ġew qrib xulxin; 2.7% tal-votanti PN kienu lesti jivvutaw PL u 2.7% kienu jafdaw lil Muscat l-aktar.

Fi Frar, id-differenza reġgħet kibret; 9.3% jafdaw aktar lil Muscat imma 1.6% biss qalu li jivvutaw PL u f’Marzu 9.8% qalu li jafdaw lil Muscat l-aktar, imma 5% biss qalu li lesti jivvutaw PL.

Ma jridu jafu b’ħadd

Intant dan il-grupp ta’ Nazzjonalisti ‘orfni’ jkompli jikber b’dawk li tul dawn l-aħħar sitt xhur qed jgħidu li mhux se jivvutaw.

F’Awwissu, 11.8% minn dawk li vvutaw PN l-aħħar darba qalu li ma jivvutaw lil ħadd, 18% f’Settembru, 19.2% f’Ottubru, 21.7% f’Novembru u 15.1% f’Diċembru. Fl-ewwel żewġ stħarriġ ta’ din is-sena, fi Frar u Marzu, 16.9% u 6.5% rispettivament qalu li mhux beħsiebhom jivvutaw.

Mal-partiti ż-żgħar

B’tant persuni Nazzjonalisti li mhuma kuntenti xejn b’Delia wieħed kien jistenna li l-istħarriġ ta’ dawn l-aħħar xhur juri ċaqliqa konsiderevoli lejn il-partiti ż-żgħar speċjalment lejn il-Partit Demokratiku (PD) illi fl-aħħar elezzjoni kien ingħata ħafna spazju mill-PN.

Fil-fatt dan ma ġarax u l-akbar persentaġġ li ntlaħaq kien fl-istħarriġ ta’ Settembru meta 3.2%, li huwa ammont li jinsab fil-marġini tal-iżball, ta’ votanti tal-PN qalu illi lesti jivvutaw lill-PD.

Imma dieħel xi forma ta’ appoġġ?

Naturalment biex nagħlqu dan iċ-ċirku wieħed jeħtieġ jara jekk l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika humiex qed jagħlqu dan ċ-ċirku b’ammont ta’ voti ġodda deħlin għall-PN, daqs kemm ħerġin.

Minn seba’ sondaġġi tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ din il-gazzetta kien biss f’erbgħa li kien hemm indikazzjoni ta’ votanti li vvutaw PL fl-aħħar elezzjoni ġenerali u li meta sar is-sondaġġ kienu lesti li jivvutaw PN. L-ogħla ċifra kienet ta’ 1.3% f’Settembru li allura kien jammonta għal 2,222.

Distakk ta’ madwar 55,000. Imma kif jinħadem dan?

Minkejja li kien hemm rebħiet żgħar għall-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia b’persentaġġi żgħar ta’ Laburisti jgħidu li se jivvutaw PN, huwa ċar kristall illi biex Delia jkollu ċans jibda jnaqqas id-distakk irid jattira bil-wisq aktar nies lejh. Kważi, kważi għandu muntanja wieqfa u diffiċli ħafna.

Fil-fatt Delia jeħtieġ minn issa sa Mejju jirbaħ madwar 47,000 vot biex jibda jnaqqas id-distakk b’mod effettiv. Kif?

L-ewwel nett irid jibda billi (jekk in-numri jibqgħu eżatt l-istess bħall-aħħar sondaġġ) jirbaħ lura dawk is-6,784 (allura 13,569 f’appoġġ), li s-sondaġġ tal-Ħadd li għadda qed juri li l-PN tilef għal-Labour.

Wara jeħtieġ jibda jaħdem biex jġib miegħu dawk in-Nazzjonalisti kollha li qed jgħidu li mhux se jivvutaw u li skont l-aħħar stħarriġ għoddew 8,820 vot. Apparti dan, hemm 20,000 vot li (dejjem fl-aħħar sondaġġ) qalu li ‘ma jafux’ kif  se jivvutaw u jieħu lura dawk il-voti li qed jgħidu li se jivvutaw PD u AD (kważi 5,000 vot). Dawn flimkien jgħoddu għal 47,000 (20,000 + 8,820 + (6,784 x 2) + 5,000) li allura, kieku l-PL ma jitlef xejn itellgħu d-distakk għal aktar minn 80,000 vot.

Min-naħa tiegħu, il-Labour għandu żewġ gruppi li bħalissa qed jitlef jiġifieri dawk li qed jgħidu illi ma jridux jivvutaw u dawk li ma jafux.

Dawk li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw ilaħħqu 9.7% ta’ dawk li vvutaw PL fl-2017, li allura jfisser li 16,600 qed jgħidu li ma jridux jivvutaw. Ma’ dawn trid iżżid 13,976 li qed jgħidu illi ma jafux kif se jivvutaw u madwar 1,400 li qed jgħidu illi se jivvutaw PD jew PN. B’kollox dawn jgħoddu għal kważi 32,000.

Li jfisser allura t-telf ta’ voti jħalli lill-PL b’madwar 15,000 vot minn fuq (47,000-32,000 = 15,000).

Jekk tgħodd dan il-bilanċ ta’ telf issib allura li bħalissa bejn il-partiti hemm l-40,000 distakk tal-aħħar elezzjoni flimkien ma’ 15,000 differenza, li jfisser madwar 55,000 vot favur il-Partit Laburista.

L-assunzjoni tal-indeċiżi ...

Għall-fini ta’ dan l-artiklu se nassumu illi dawk kollha li huma indeċiżi se jivvutaw lill-partit li vvutaw miegħu fl-2017.

Dan ikun ifisser illi l-PN jiggwadanja madwar 20,000 vot u l-PL jiggwadanja madwar 13,976. Dan ifisser illi jkun hemm bilanċ ta’ 6,000 favur il-PN fost l-indeċiżi u allura jerġa’ jonqos id-distakk b’dan l-ammont biex isir madwar 45,000 u 50,000 favur il-Partit Laburista.

In-numri fis-sondaġġi ...

  • Fl-2017, 135,696 ivvutaw PN u 179,976 ivvutaw PL
  • F’Awwissu, 46,543 biss tan-Nazzjonalisti kellhom fiduċja f’Delia
  • 40,000 differenza bejn dawk li lesti jivvutaw PN u dawk li jafdaw lil Delia, f’Marzu
  • 13,298 votant PN jafda aktar lil Muscat f’Marzu
  • 6,784 votant PN qed jgħidu li lesti jivvutaw PL f’Mejju
  • F’Settembru, 2,222 votant PL kienu lesti jivvutaw PN
  • Jekk tgħodd BISS lil dawk li huma ċerti li se jivvutaw PN jew PL fis-sondaġġ ta’ Marzu, il-PN jitlef 47,000 vot u l-PL jitlef 32,000 vot...
  • ...dan jammonta għal distakk ta’ madwar 55,000

More in Politika