L-istudenti jagħżlu li jmorru l-iskola bit-tracksuit

Issa jmiss li jgħidu tagħhom il-ġenituri wkoll...

Il-konsultazzjoni dwar l-uniformi tal-istudenti se tkun qed tissokta fost il- ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-istat u l-edukaturi tal-iskejjel tal-istat u dan hekk kif intemmet l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni li staqsiet direttament lill-istudenti.

L-ewwel fażi tal-konsultazzjoni kienet tikkonsisti f’żewġ partijiet, bl-ewwel konsultazzjoni kienet fost l-istudenti fl-iskejjel medji u sekondarji fejn ipparteċipaw 1,605 student minn madwar 21 skola differenti.

Il-maġġoranża fost dawn l-istudenti kienet dik ta’ 91% favur li l-uniformi tkun tracksuit komda u sportiva, b’5% li għażlu uniformi kif inhi bħalissa, u 4% bl-għażla tagħhom tkun oħrajn.

It-tieni parti tal-ewwel fażi kienet tinvolvi lill-istudenti tal-iskejjel primarja, fejn ġew magħżula żewġ skejjel minn kull kulleġġ, jiġifieri 20 skola b’kollox, u mat-300 student ġew ikkonsultati permezz ta’ focus groups.

F’kull focus group ipparteċipaw minn 10 sa 33 student, fejn ħafna minn dawn l-istudenti kienu rappreżentanti fil-Kunsilli tal-Iskola tal-Istudenti.

F’dan l-istħarriġ irriżulta li 256 student, ekwivalenti għal 85%, għażlu tracksuit komda u sportiva u 44 studenti, jiġifieri 15%, jixtiequ jibqgħu bl-uniformi kif inhi bħalissa.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li jiġi deċiż li tracksuit biss tkun biss l-uniformi tal-istudenti, il-ministeru jqis li għandu jkun hemm phasing-in tal-uniformi l-ġdida u għalhekk se jkunu qed isiru arranġamenti dwar meta tidħol fis-seħħ biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm piżijiet żejda fuq il-ġenituri.

Il-ġenituri jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom bejn llum u nhar it-Tnejn 18 ta’ Marzu.

More in Politika