Għal Mejju l-PN qed ibassar li jirbaħ 100,000 vot u distakk ta’ 50,000

Il-PN qed jimmira għal 100,000 vot f’Mejju li jħallih fejn kien 5 snin ilu, imma b’madwar 50,000 vot minn taħt

Il-gazzetta ILLUM żvelat żewġ miri ewlenin tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej. Kemm qed jimmira li jġib voti u kemm qed jimmira li jġib voti anqas mill-Partit Laburista.

Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta u li huma viċin il-PN u t-tmexxija tal-partit qalu illi l-mira hija li l-partit iġib 100,000 vot b’kollox.

Din il-mira hija 36,000 vot inqas mill-elezzjoni ġenerali tal-2017 u bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta’ voti daqs l-aħħar elezzjoni tal-MEPs, anke jekk f’din l-elezzjoni se jiżdiedu madwar 8,000 vot ta’ żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 18-il sena u li allura se jivvutaw għall-ewwel darba.

Fl-aħħar elezzjoni tal-MEPs, fl-2014, il-PN kien kiseb 100,700 vot u tilef b’distakk ta’ 33,677 vot.

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi l-PN qed jikkalkula distakk bejn il-partiti ta’ bejn wieħed u ieħor 50,000 vot. Dan jiġi madwar 10,000 vot iktar mid-distakk tal-elezzjoni ġenerali tal-2017 u 17,000 vot aktar mid-distakk fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2014. Dan il-kalkolu huwa viċin ħafna ta’ dak ikkalkulat fuq paġni 4 u 5 ta’ din il-gazzetta f’analiżi tan-numri tas-sondaġġ li kien ippubblikat bħal-lum ġimgħa fuq il-gazzetta Maltatoday.

Jekk fil-fatt dan il-kalkolu jkun rifless f’Mejju u allura l-PN ikun ġab madwar 100,000 vot u l-PL iġib madwar 150,000 vot, ikun ifisser li l-PL iżid madwar 16,000 vot mill-aħħar elezzjoni tal-MEPs (2014) imma madwar 20,000 vot inqas mill-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li fil-ftit żmien li għad fadal ftit li xejn it-tmexxija tal-partit tista’ tibdel biex it-telfa ma tkunx daqstant kbira, fil-fatt ikbar minn kull telfa elettorali li qatt sofra partit s’issa.

F'artiklu ieħor li deher fuq l-istess gazzetta u li huwa bbażat fuq l-aħħar sondaġġ tal-Kamra tal-Aħbarijiet MediaToday, jirriżulta li l-PN qed jitlef madwar 27,000 vot f’appoġġ jekk tgħodd lil dawk li qed jgħidu li jixtiequ jivvutaw PL u dawk li ma jridux jivvutaw (u tassumi li dawk li qed jgħidu li ‘ma jafux’ kif se jivvutaw, fil-fatt se jerġgħu jivvutaw PN kif għamlu fl-2017).

Min-naħa l-oħra l-Partit Laburista qed jitlef 18,000 vot jekk tgħodd dawk li ma jridux jivvutaw u dawk li beħsiebhom jivvutaw lill-PN jew AD (u tassumi li dawk li qed jgħidu li ‘ma jafux’ kif se jivvutaw, se jerġgħu jivvutaw PL kif għamlu fl-2017).

Dan jirriżulta f’distakk ta’ madwar 50,000 vot favur il-PL.

Dan kollu jħalli lill-PN bi sfida oħra; kif se jipprova jżomm it-tielet siġġu li l-aħħar darba żamm bl-eżatt, meta din id-darba se jkunu aktar dawk li se jivvotaw.

Nhar il-Ħadd 10 ta’ Frar, il-gazzetta ILLUM rrapportat kif f’Għawdex, distrett tradizzjonalment Nazzjonalist iżda li tilef fl-aħħar elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed ibati sew biex jiġbor l-appoġġ u anke kandidati.

Minn dak l-artiklu ’l hawn kien deċiż li David Stellini, deputat li fil-fatt għadu kemm kien elett fl-aħħar elezzjoni, joħroġ f’isem il-PN fuq dan id-distrett biex b’hekk kienet evitata sitwazzjoni fejn il-PN ma joħroġ lil ħadd fuq dan id-distrett għall-ewwel darba.

More in Politika