'Se nimxu lil hinn mill-ugwaljanza fil-prattika u se mmorru għal ugwaljanza minsuġa fil-liġi'

Dan huwa l-aqwa xhieda ta' Gvern femminista tgħid il-Ministru Dalli

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli nediet konsultazzjoni pubblika fuq strateġija nazzjonali dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fl-oqsma kollha tal-Gvern. Skont l-istqarrija l-istrateġija għandha twassal għall-introduzzjoni ta’ liġi ġdida li se ssostni l-ugwaljanza fil-livelli u l-istrutturi kollha tas-soċjetà tagħna.

Waqt li fakkret f’dawk il-miżuri li xprunaw is-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol, primarjament il-proviżjoni ta’ childcare mingħajr ħlas, l-in-work benefit, u l-fond tal-leave tal-maternità, il-Ministru saħqet li issa jmiss li nibnu fuq dawn is-sisien sodi biex nimmassimizzaw il-potenzjal ta’ kull mara u tifla f’pajjiżna.

F’dan il-kuntest il-Ministru Dalli fissret kif minkejja li l-pajjiż qed jinvesti ħafna fl-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nisa, mhux qed naħsdu biżżejjed frott minn dak l-investiment minħabba ċirkostanzi varji li l-mara taffaċċja tul ħajjitha.

B’hekk se nimxu pass lil hinn mill-ugwaljanza fil-prattika, u se mmorru għal ugwaljanza minsuġa fil-liġi tagħna biex din il-perspettiva importanti tkun il-bażi għal kull ma nagħmlu fis-settur pubbliku u eventwalment fis-settur privat, żiedet il-Ministru Dalli.

Hawnhekk appellat lis-settur privat biex isegwi l-aqwa prattiċi tas-settur pubbliku, li issa ilu għal diversi snin jinkludi l-perspettiva tal-ugwaljanza fl-operat tiegħu. Il-Ministru Dalli rrimarkat li fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu, in-nisa jokkupaw aktar min-nofs il-pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Ministru Dalli qalet li l-kisbiet elenkati u l-pjan ’il quddiem huma l-aqwa xhieda ta’ Gvern femminista li mhux se jieqaf qabel ma jkollna ugwaljanza sħiħa fl-isferi u l-oqsma kollha ta’ pajjiżna. “Se nibqgħu naħdmu sakemm Jum il-Mara isir jum ta’ ċelebrazzjoni u mhux jum ta’ sejħa għall-azzjoni”, temmet il-Ministru Dalli.

More in Politika