Ħelsin mill-arrest għar-raġel Ċek li kien fuq Mandat ta’ Arrest Ewropew

Ir-raġel Ċek kien allega li ġie maħtuf f’Għawdex u sfurzat jiffirma dokumenti li jinkriminawh

Raġel Ċek li f’Jannar tas-sena li għaddiet kien allega li “ġie maħtuf” f’Għawdex u sfurzat jiffirma dokumenti li jinkriminawh, wara li kien arrestat fuq Mandat ta’ Arrest Ewropew, illum ingħata l-ħelsin mill-arrest.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat innotat li "kieku r-raġel kien qed jipprova jaħrab mill-awtoritajiet Ċeki biex jevita l-prosekuzzjoni jew is-sentenza tal-Qorti, żgur li l-awtoritajiet kienu jagħmlu talba għal Mandat ta' Arrest Ewropew u b'hekk jintalab speċifikament ir-ritorn tiegħu."

“Xejn bħal dan ma ġie ppreżentat,” innotat l-Qorti.

Għalhekk il-Qorti wara li aċċertat li r-raġel Ċek ma kienx kiser xi kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħelsin tiegħu fir-rigward tal-proċedimenti kriminali li għalihom ingħatat l-estradizzjoni tiegħu fit-12 ta 'Jannar, 2018 ordnat li r-raġel jinħeles mill-arrest.

Wara li kien arrestat fuq Mandat ta’ Arrest Ewropew, ir-raġel, li għandu 40 sena, kien ġie estradit lejn pajjiżu, u nstab ħati ta’ evażjoni tat-taxxa u reati oħra ta’ frodi. Ir-raġel qed jappella mis-sentenza iżda sakemm għadu għaddej il-każ, ir-raġel irritorna Malta u kien għalhekk li reġa’ ħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew ieħor kontrih.

Fis-seduta preċidenti, Montalto kien saħaq li l-awtoritajiet Ċeki taw il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat u anke ngħata l-permess biex sakemm għadhom għaddejjin il-proċeduri jkun jista’ jsiefer. “Ilu Malta minn Ottubru u ġie lura biex ikompli fix-xogħol li kellu qabel ġie estradit. Mar fl-Għassa tal-Pulizija biex iġib il-karta tal-identità tiegħu biex jirregola l-pożizzjoni tiegħu,” kompla l-Avukat waqt li insista li ma kellu xejn x’jaħbi.

More in Politika